Knisja Lokali

Magħmudija għal 19-il adult fil-Vġili tal-Għid

Il‑Vġili Solenni tal‑Qawmien tal‑Mulej mill‑Imwiet immexxija mill‑Arċisqof Charles Scicluna, li saru fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann is-Sibt filgħaxija.

F’Sibt il-Għid l-Arċisqof għammed 19-il adult li permezz tas‑Sagramenti tad‑Dħul fil‑Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) saru membri tal‑Knisja Kattolika. L-Insara l-ġodda huma mill‑Albanija, ir-Renju Unit, iċ‑Ċina, l-Indja, Franza, Malta, it-Turkija u l-Filippini.

Fl-omelija tiegħu nhar Sibt il-Għid, l-Arċisqof Charles Scicluna fakkar l-10 anniversarju tiegħu mindu l-Papa Franġisku nnominah bħala arċisqof ta’ Malta u kif ftit jiem qabel, fix-Xatt tal-Libja, 20 ħaddiem Insara mill-Eġittu u ħaddiem mill-Ghana għażlu li ma jiċħdu qatt lil Ġesù u spiċċaw biex in-nies tal-Istat Iżlamiku (ISIS) ħanxrulhom għonqhom.

L-Arċisqof żied jgħid: “Dawn huma 21 ħaddiema li fi żmienna, mhux fl-antik, taw ħajjithom. Demmhom tħallat fil-baħar li jdawwarna u ngħumu fih. Meta tħarsu lejn il-baħar tagħna ftakru li miegħu hemm imħallat id-demm ta’ dawn il-ħaddiema li taw ħajjithom biex ma jiċħdux lil Ġesù… Il-fidi tagħhom kienet sempliċi imma profonda. Kif tista’ tagħti ħajtek għat-thewdin jekk mhux għax fil-qalb tiegħek hemm l-esperjenza tal-paċi, tal-ferħ, u tas-sewwa li ma jeħodhielek ħadd u li ġejja mingħand Ġesù l-imsallab u rxuxtat?”

F’dan il-lejl qaddis, l-aqwa wieħed fost l-iljieli kollha, l-Arċisqof ħeġġeġ biex nilqgħu dawn l-Insara ġodda u nagħtuhom is-sostenn tagħna. Talab ukoll biex “b’umiltà l-fidi tagħna tkun dejjem fidi ħajja, samma u li ma naqtgħu qalbna qatt u ma niċħdu qatt lil Ġesù”.