Dejjem aktar Amerikani qegħdin iwieġbu bi protesti għar-realtà ġdida u allarmanti ta’ pajjiżhom — u meta, fi tmiem il-ġimgħa, eluf kbar ħarġu jipprotestaw fid-diversi bliet tal-Istati Uniti u fejn huma ngħaqdu f’leħen wieħed kontra ‘l-aġenda u l-azzjonijiet’ tal-President Amerikan, Donald Trump.
Ir-rabja popolari, fil-preżent, hi l-aktar indirizzata għall-azzjonijiet arbitrarji u kontroversjali ta’ Trump u l-biljunarju sieħbu Elon Musk , li qed imexxi d-Dipartiment għal Gvern Aktar Effiċjenti.
L-azzjonijiet u l-executive orders li ħerġin kontinwament mill-White House qed jolqtu ħażin ħafna lill-mijiet tal-eluf tal-Amerikani – b’numru ta’ ċittadini li ilhom jgħixu fl-Istati Uniti għal għexieren ta’ snin jinsabu wkoll f’periklu ta’ deportazzjoni; l-istess bħall-immigranti li mgħandhomx id-dokumenti sodisfaċenti għall-awtoritajiet Amerikani.
Trump u l-White House, madankollu, qed ikomplu għaddejjin romblu minn fuq is-sistemi u l-istituzzjonijiet – fosthom l-universitajiet – li, qabel, dejjem kienu awtonomi jew, almenu, parti minn entità amministrattiva li ħadmet tajjeb għall-Amerikani għat-tul taż-żmien.
U d-direttivi minn Trump u Musk xejn mhuma qed jinżlu tajjeb ma’ numru qed jiżdied ta’ ċittadini li, fi kliemhom, stess, qegħdin jaraw theddida dejjem akbar għal-libertà – b’mod partikulari l-libertà tal-kelma – f’pajjiżhom…Dan meta l-Istati Uniti, sa qabel din is-sena, kienet meqjusa kważi minn kulħadd bħala l-benniena tad-demokrazija.
Il-mewġa ta’ protesti ta’ tmiem il-ġimgħa kienet magħrufa bħala l-attività tal- “50501’’ – b’referenza għad-dimostrazzjonijiet li saru fil-50 Stati Amerikani u fejn, bħala protagonista, kien hemm dejjem moviment wieħed u komuni. Id-dimostrazzjonniejt saru wkoll biex jikkoinċiedu mal-250 anniversarju mill-bidu tal-Gwerra Rivoluzzjonarja Amerikana.
Hu minnu wkoll li l-protesti politiċi fl-Istati Uniti, din is-sena, qed isiru dejjem aktar komuni u meta aktar kmieni dan ix-xahar saru wkoll id-dimostrazzjonijiet kbar kontra l-Gvern bit-tema ‘Hands Off’ u li wkoll attiraw l-għexieren tal-eluf tan-nies minn madwar il-pajjiż.
L-aħħar stħarriġ ta’ Gallup, sadanittant, jissuġġerixxi li mal-45 fil-mija tal-votanti Amerikani huma favur il-‘performance’ ta’ Donald Trump fl-ewwel erba’ xhur ta’ Presidenza….Dan hu anqas mill-medja ta’ approvazzjoni miksuba mill-Presidenti Amerikani kollha li mexxew pajjiżhom fl-ewwel erba’ xhur tal-mandati rispettivi bejn l-1952 u l-2020.
Il-popolarità ta’ Trump ħadet anki daqqa ‘l isfel minħabba l-iżviluppi għall-ekonomija tal-Istati Uniti…Ekonomija li mistennija ġġorr ukoll l-impatt tat-tariffi reċiproki min-naħa tal-pajjiżi li spiċċaw suġġetti għall-mewġa tat-tariffi imposti fuqhom mill-President Amerikan.
Kien hemm anki protesti kbar dwar l-impatt tad-deċiżjonijiet ta’ Elon Musk għall-impjiegi f’numru ta’ setturi, kif ukoll għall-inizjattiva ta’ Trump biex inaqqas il-ħaddiema mal-Gvern fost il-qtugħ ġenerali fl-entitajiet tal-Amministrazzjoni.
Uħud fost l-akbar dimostrazzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa saru fl-ibliet ta’ Washington, New York, Boston u Chicaco – u fejn tkantaw is-slogans bil-messaġġi li ‘L-ebda pajjiż ma sar pajjiż kbir bil-politika tal-mibgħeda’ u li ‘Il-kunċett tad-drittijiet għal kulħadd ma jfissirx anqas drittijiet għall-komunitajiet tan-nies magħżulin’.
//= $special ?>