Lokali

Viżjoni 2050 inħolqot minħabba l-iżbalji tal-Gvern stess

Waqt il-program Net Live it-Tlieta filgħaxija, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella ddiskuta d-dokument tal-Viżjoni 2050 li ħoloq il-Gvern, li mhux biss fih għadd ta’ nuqqasijiet kbar, iżda nħoloq minħabba l-iżbalji li għamel il-Gvern Laburista stess.

Hu sostna wkoll li bħala unjoni huma kienu ilhom jiddiskutu l-bżonn għal viżjoni ċara u fit-tul, iżda l-kwistjoni prinċipali hi dwar kemm hi kredibbli din il-viżjoni, u kif se tiġi implimentata.

Vella semma kif waħda mill-aspetti msemmija fil-Viżjoni hi dik tal-kwalita’ tal-ħajja, u l-bżonn li jkun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Hu sostna li dan m’għandux ikun sempliċiment viżjoni, iżda bżonn speċjalment b’kemm ġiet iddeterjorata l-kwalita’ tal-ħajja f’dawn l-aħħar snin kawża tal-Gvern Laburista stess.

Semma wkoll kif pajjiżna ra żieda drastika fl-ammont ta’ ħaddiema barranin minħabba d-dipendenza ta’ pajjiżna fuqhom, iżda l-gvern ma kienx preparat biżżejjed għal dan l-influss.

Josef Vella fakkar ukoll fil-pressjoni tremenda li Gvern Laburista tefa’ fuq il-poplu rigward il-prezzijiet u r-regulazzjonijiet rigward il-kirjiet… tant li familji Maltin qed jispiċċaw jgħixu f’blokok tal-appartamenti li fihom hemm djar li qed jokkupaw mal-10 persuni il-ħin kollu. 

Fost is-soluzzjonijiet li offra Vella, hu semma kif il-gvern għandu bżonn iħarreġ lill-ħaddiema, kif ukoll konsultazzjoni maż-żgħażagħ, hekk kif huma l-ġenerazzjoni li jmiss li se jkunu qegħdin jgħixu din il-viżjoni.