Internazzjonali

Iċ-Ċina twissi dwar ‘passi’ fil-konfront ta’ pajjiżi li jidħlu fi ftehim mal-Istati Uniti b’detriment għal Beijing

Iċ-Ċina wissiet li għandha tieħu l-passi kontra pajjiżi li jidħlu fi ftehim kummerċjali mal-Istati Uniti li jmorru kontra l-interessi ta’ Beijing… Dan meta l-kriżi bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, waqt l-eqqel tal-Gwerra tat-Tariffi, kapaċi ddaħħal numru ta’ pajjiżi f’sitwazzjoni mill-aktar skomda u b’detriment għall-kummerċ dinji.

Dan l-iżvilupp sar magħruf ftit wara r-rapporti li l-Istati Uniti qed tippjana biex twettaq pressjoni fuq il-Gvernijiet tad-dinja ħalli huma jillimitaw il-kummerċ maċ-Ċina…Dan hu pjanat li jsir bi skambju mal-eżenzjonijiet għall-mewġa tat-tariffi mħabbra mill-President Amerikan, Donald Trump.

Fl-istess ħin, il-Gvern Amerikan jinsab għaddej bit-taħditiet dwar it-tariffi mas-sieħba kummerċjali u meta mistenni jilqa’ id-delegazzjonijiet minn diversi pajjiżi matul il-jiem li ġejjin.

Mindu beda t-tieni mandat tal-Presidenza, Donald Trump insista bil-politika li tippermetti għal taxxi u levies qawwija fuq l-oġġetti li l-Istati Uniti timporta mingħand iċ-Ċina….Dan ukoll meta l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea spiċċaw suġġetti għal tariffi ta’ 20 fil-mija waqt li pajjiżi oħrajn madwar id-dinja qed jevalwaw is-sitwazzjoni ekonomika wara li huma wkoll intlaqtu mit-tariffi.

Intant, il-kelliema għall-Ministeru Ċiniż għall-Kummerċ, qal li ‘wieħed ma jistax jirrispetta lill-pajjiżi li jippruvaw jogħġbu lill-Istati Uniti għall-ispejjeż tagħhom u li jidħlu fil-kompromessi li ma jaqlblilhomx’.

Għaldaqstant, iċ-Ċina għamlitha ċara li topponi sitwazzjoni fejn pajjiż jidħol fil- ftehim mal-Istati Uniti li jolqtuha ħażin minn aspett kummerċjali….’Sitwazzjoni li Beijing mhu se jaċċetta qatt u li għandha tirriżulta wkoll fil-kontro-miżuri’.

Ir-rimarki kienu simili għall-messaġġ li ħareġ jiem ilu mill-media Ċiniża u li fih spikkat twissija biex ‘l-Unjoni Ewropea ma tbaxxix rasha għad-diktat ta’ Washington’.