Lokali

Impenjati nsaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi maċ-Ċina – Bernard Grech

Impenjati li nissoktaw insaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u ċ-Ċina – bi Gvern ġdid Nazzjonalista jkompli jibni fuq il-ħidma li twettqet minn amministrazzjonijiet preċedenti li emmnu fil-potenzjal ta’ Malta sabiex isservi bħala pont bejn l-Ewropa u l-Asja.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li flimkien max-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami u s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea fost oħrajn jinsab fuq żjara fiċ-Ċina.

Bernard Grech insista li diversi Prim Ministri Maltin kellhom viżjoni fit-tul meta irnexxielhom jifhmu l-importanza taċ-Ċina bħala sieħeb importanti fuq livell globali.

Għaldaqstant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li fl-ewwel impenji tiegħu f’dan il-pajjiż enfasizza kif fil-preżent jeħtieġ inkomplu nsaħħu r-rabtiet tajbin li jeżistu bejn iż-żewġ naħat u spjega li jemmen bi sħiħ li hemm diversi oqsma fejn din ir-relazzjoni tista’ tibqa’ tikber fihom fosthom it-turiżmu, l-edukazzjoni, il-qasam marittimu u l-kultura. Dan filwaqt li insista li l-Partit Nazzjonalista konvint li t-triq ‘il quddiem hija t-teknoloġija l-ħadra u l-iżvilupp sostenibbli u stqarr li bħaċ-Ċina, Malta, impenjata bi sħiħ tindirizza dawn l-isfidi permezz tal-innovazzjoni.