Miet fl-età ta’ 70 sena l-eks Ministru Nazzjonalista u eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.
Fi kliem il-Kap tal-PN Bernard Grech, Francis Zammit Dimech serva b’lealtà kbira f’kull kariga li kien fdat biha. Kien iwitti kull intopp, kien ixejjen kull diżgwid, kien jitbissem anke quddiem xi saram. “Francis kien dejjem lest biex jgħinek u jagħtik parir, iżda qatt ma rajtu jindaħal jekk mhux mitlub.”

Francis Zammit Dimech twieled fit-23 ta’ Ottubru tal-1954, fejn għex u trabba f’San Ġiljan. Huwa gradwa bħala avukat mill-Università ta’ Malta fl-1979, fejn speċjalizza fil-qasam finanzjarju u anke għamel xi żmien jistudja fl-Ingilterra. Aktar tard huwa speċjalizza wkoll fil-liġi tax-xandir.
Zammit Dimech serva wkoll bħala ġurnalist u editur ta’ numru ta’ gazzetti lokali filwaqt li kien involut fil-politika sa minn meta kien żgħażugħ, u anke fuq livell Ewropew.
Ix-xogħol tiegħu kien wieħed li ma waqafx, hekk kif għażel li jikkontesta l-elezzjoni tal-1987..fl-eqqel ta’ kriżi politika, fejn huwa ġie elett u baqa’ jiġi elett sal-2017. Tul dan il-perjodu Zammit Dimech serva bħala Ministru tat-Trasport u l-Komunikazzjoni, għall-Ambjent, għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, għat-Turiżmu u l-Kultura u anke għall-Affarijiet Barranin. Huwa kien ukoll elett bħala Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista mill-2017 sal-2019.
Francis Zammit Dimech serva wkoll bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista mill-2020 sal-2021, fejn kien ukoll Chairman tal-kumpanija Media.Link Communications
Fl-aħħar sena, Francis Zammit Dimech kien maħtur ukoll Aġent President tar-Reppubblika ta’ Malta.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal illi f’dan il-mument, ħsibijietna u t-talb tagħna jinsabu mal-familja ta’ Francis. B’Bernard Grech joffri l-kondoljanzi tiegħu, u tal-Partit Nazzjonalista b’apprezzament għall-ħidma li wettaq Francis fis-snin kollha li serva lill-pajjiż u anke lill-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>