Raġel ta’ 37 sena residenti Ħal Tarxien ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Rachel Montebello u ordnat jirrifondi lura s-somma ta’ €22,238.87ċ. li ħa b’qerq b’rabta mar-racket tas-servizzi soċjali u għaldaqstant wettaq frodi.
Bħala sfond f’dan il-każ jidher li l-akkużi fil-konfront ta’ Aaron Caruana, nibtu minn tfittxija li kienet saret fil-computer tal-eks Deputat Laburista Silvio Grixti fejn il-Pulizija kienu sabu diversi ċertifikati mediċi li kienu jidhru suspettużi. Dr. Grixti għadu għaddej proċeduri fil-Qorti b’rabta ma’ dan ir-racket flimkien ma’ persuni oħra.
Meta saru l-verifiki opportuni mat-tobba li suppost kienu ffirmaw iċ-ċertifikati msemmija, irriżulta li dawn kienu falsifikati filwaqt li minn iktar investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija, irriżulta wkoll li dawn iċ-ċertifikati kienu qed jintużaw biex jinkiseb il-ħlas ta’ assistenza soċjali mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għad-detriment tal-Gvern ta’ Malta.
Minn stħarriġ li sar fil-files fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, nstab illi fil-file tal-imputat dwar l- applikazzjoni tiegħu għall-ħlas ta’ assistenza għal diżabilità severa, kien hemm ċertifikat allegatament maħruġ minn Dr. Ruth Galea, iżda ġie stabbilit li l-imputat qatt ma kien pazzjent tagħha u hija qatt ma ħarġet ebda ċertifikat dwaru.
Mill-fatti li joħorġu, jirriżulta li fit-30 ta’ Settembru 2019, Aaron Caruana issottometta lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali applikazzjoni għal ‘Assistance for a person who has Severe Disability’. L-applikazzjoni ġiet iffirmata minn Aaron Caruana, tliet ijiem qabel – liema firma saret b’mod speċifiku fis-sezzjoni ‘Dikjarazzjoni’ fejn l-applikant bil-firma tiegħu jafferma li safejn jaf hu, it-tagħrif mogħti fl-applikazzjoni hu kollu minnu, komplet u korrett.
Flimkien ma’ din l-applikazzjoni, hemm mehmuż rapport li jidher li huwa iffirmat minn Dr. Silvio Grixti bid-data tas-16 ta’ Settembru 2019, fejn ġie mmarkat b’mod speċifiku fil-lista ta’ kundizzjonijiet mediċi jew mard li dwarhom kien qed jintalab il ħlas tal-assistenza għal diżabilità severa.
It-talba kienet li l-applikant ibati mill-kundizzjoni tal epilepsija u minn ‘hydrocephalus’ (akkumulazzjoni ta’ fluwidu f’kavitajiet imsejħa ventrikuli fil-fond fil-moħħ. Il-fluwidu żejjed iżid id-daqs tal-ventrikoli u jagħmel pressjoni fuq il-moħħ).
Jirriżulta mix-xhieda ta’ Martin Buhagiar, l-Assistent Direttur tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, illi wara li l-Medical Panel iċċertifika lill-imputat bħala persuna gravement disabilitata minħabba l-kundizzjoni tal-“hydrocephalus”.
Wara li r-rapport tal-Panel ġie mdaħħal fil-file tal-imputat, id-Dipartiment beda jħallas lill-imputat assistenza għal diżabilita’ severa bir-rata ta’ €104.85 fil-ġimgħa, bl-ammont totali perċepit minnu mill-5 ta’ Ottubru 2019 sa-14 ta’ Lulju 2023, meta l-ħlas ġie mwaqqaf, ilaħħaq is-somma ta’ €22,283.87.
Dr. Ruth Galea fix-xhieda tagħha, kkonfermat illi minn verifiki li għamlet fis-sistema tal-Isptar Mater Dei, irriżultalha li qatt ma kienet rat lill-imputat bħala pazjent u kkonfermat ukoll li l-kopja taċ-ċertifikat li jinsab fil-file – datat 22 ta’ Ottubru 2019, mhux maħruġ minnha u ma iffirmatux, għalkemm il-firma fuq iċ-ċertifikat tixbaħ ħafna lill-firma tagħha.
Dr. Taygeta Firman, waħda mit-tliet tobba li fformaw il-Medical Panel li eżaminat l-applikazzjoni tal-imputat waqt laqgħa li saret fl-14 ta’ Novembru 2019, ikkonfermat fix-xhieda tagħha illi meta l-applikant ikun fil-pussess taċ-ċertifikat oriġinali li jkun inħareġ minn konsulent jew mill-kap tad-dipartiment fl-
Isptar, il-Medical Panel jaċċetta li tiġi sottomessa fotokopja taċ-ċertifikat mediku.
Ikkonfermat ukoll li t-tobba tal-Medical Panel ma jeżaminawx lill-applikant fiżikament u għalkemm ġieli jistaqsu xi domandi, meta l-kundizzjoni tkun spjegata fid-dokumenti joqgħodu fuq id-dokumenti li jkunu ġew prodotti mill-applikant in sostenn tal-kundizzjoni medika msemmija fl-applikazzjoni.
Dr. Raymond Galea, li wkoll kien wieħed mit-tobba tal-Medical Panel li eżamina l-applikazzjoni tal-imputat u ffirma r-rapport fl-14 ta’ Novembru 2019, iddikjara illi l-kundizzjoni ta’ ‘hydrocephalus’ m’hijiex waħda li tista’ ssir dijanjosi tagħha permezz ta’ eżami fil-klinika ta’ tabib u għalhekk, il-Medical Panel ikollu jistrieħ neċessarjament fuq ċertifikat tal-konsulent.
Ikkonferma li ġeneralment kienu jitolbu jaraw l-oriġinal taċ-ċertifikat iżda ma kienx il-prassi li jżommu l-oriġinal u kienu għalhekk isiru fotokopji tal-oriġinal dak il-ħin stess. Muri l-kopja taċ-ċertifikat (allegatament iffirmat u maħruġ minn Dr. Ruth Galea), Dr. Raymond Galea kkonferma li dak kien
iċ-ċertifikat li ġie prodott minn Aaron Caruana waqt il-laqgħa tal-Medical Panel.
Dr. Anthony Galea Debono, l-espert mediku ġudizzjarju, xehed illi huwa kien studja bir-reqqa l-file tal-Isptar Mater Dei tal-imputat, fejn irriżultalu li għalkemm kellu xi kundizzjonijiet mediċi, ma kien hemm xejn li jindika li kien hemm xi problemi newroloġiċi.
Kemm hu hekk, ikkostata wkoll li qatt ma kienu saru investigazzjonijiet newroloġiċi, fosthom CT scan jew MRI scan tal-moħħ, ġewwa l-Isptar u konsegwentement, ma kienx hemm evidenza li l-imputat għandu l
kundizzjoni ta’ ‘hydrocephalus’.
Fir-relazzjoni tiegħu jirriżulta illi l-espert wettaq eżami newroloġiku sħiħ fuq l-imputat fil-5 ta’ Ġunju 2024 ġewwa l-Isptar Mater Dei, iżda ma sab ebda sinjali li jindikaw il-presenza ta’ kundizzjoni newroloġika u
kkonkluda għalhekk illi “there is no evidence to support a diagnosis of hydrocephalus in Aaron Caruana’s case.”
Aaron Caruana, għażel li jixhed quddiem il-Qorti. Fix-xhieda tiegħu qal li kien tah attakk f’qalbu xi ħdax-il sena qabel u kien għamel ġimgħa fl-ITU ġewwa l-isptar u minn hemmhekk ma setax jaħdem iktar. Kien talab għal għajnuna lil Silvio Parnis, illum mejjet, li qallu li kien se jivverifika jekk setax japplika għal xi
benefiċċju soċjali talli ma jistax jaħdem.
L-imputat kien tah id-dokumenti mediċi tiegħu mill-file tal-Isptar. Ftit wara, Silvio Parnis kien tah envelop
u qallu biex imur bih għand id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali. Hemmhekk huwa kien tahom dan l-envelop u kienu għamlu kopji tad-dokumenti u reġgħu tawh lura l-envelop bid-dokumenti.
Hemmhekk kien iffirma l-paġna tal-applikazzjoni iżda kkonferma li d-dokument li kienu tawh biex jiffirma kien jikkonsisti f’paġna waħda u mhux f’erba’ paġni u l-parti tal-applikazzjoni bil-kitba u l-firma ta’ Dr. Silvio Grixti ma kienx raha la dakinhar u lanqas qabel.
Ikkonferma wkoll li hu qatt ma fetaħ l-envelope li kien tah Silvio Parnis qabel għaddih lid-Dipartiment, u qal li ma jafx jaqra u għalhekk għalxejn kien jiftħu. Filwaqt li stqarr fuq mistoqsija tal-Qorti illi kien ra l
firma ta’ Dr. Silvio Grixti fost il-karti li kien hemm fl-envelop meta l-iskrivan fetaħ l-envelop u beda jqalleb fil-karti, ikkonferma illi qatt ma ġie eżaminat minn Dr. Silvio Grixti u qatt ma mar għand ebda tabib, u kien Silvio Parnis li kien irranġalu mat-tabib.
Ikkonferma wkoll li l-karta bil-firma tat-tobba li qatt ma kien mar għandhom kienu wkoll fost id-dokumenti li huwa kien għadda lill-Bord Mediku. Ippreċiża madankollu li għalkemm kien jaf li kien qed japplika biex jieħu benefiċċji għal diżabbilità, huwa kien konvint li l-applikazzjoni saret b’rabta mal-kaz li kellu u mhux fuq mard ieħor.
Għall-Qorti, l-ammissjoni tal-imputat li kien jaf li fost id-dokumenti li ġew sottomessi bħala parti mill-applikazzjoni tiegħu biex jibbenefika mill-ħlas ta’ assistenza għal diżabilità severa, kien hemm karti ffirmati minn tabib li qatt ma kien mar għandu u qatt ma eżaminah, tfisser li seta’ jintebaħ minnufih li l-applikazzjoni kien fiha tagħrif li seta’ ma kienx minnu.
Iktar minn hekk, dan ifisser ukoll illi l-imputat kien jaf li kien qed jippreżenta lid-Dipartiment u in segwitu wkoll lill-Bord Mediku, dokument b’ċertifikazzjoni li ma setax kien ġenwin. Għall-Qorti, hija xi ħaġa ovvja għal kulħadd, anke għal persuna b’livell baxx ta’ edukazzjoni, li biex persuna titqies bħala disabilitata tant li tkun eliġibbli għal assistenza soċjali, il-kundizzjoni tkun trid tiġi ċertifikata minn tabib.
Għalhekk, f’ċirkostanzi fejn l-imputat dikjaratament ma kienx mar għand tabib biex jiġi eżaminat iżda xorta waħda ra li l-applikazzjoni tiegħu għall-ħlas tal-benefiċċju kienet iffirmata minn tabib, ma setax ma jobsorx li fl-applikazzjoni kien ingħata xi tagħrif li ma kienx minnu u l-proċess li sar bl-intervent, allegatament, ta’ Silvio Parnis, ma kienx leġittimu.
Huwa immaterjali l-fatt li l-imputat seta’ ma kienx jaf x’kien hemm miktub fid-dokumenti ffirmati minn Dr. Silvio Grixti u f’kull każ, il-Qorti ma tqisx li l-imputat huwa kredibbli meta qal li huwa kien taħt l-impressjoni li l-applikazzjoni kienet tikkonċerna “il-każ li kelli u mhux fuq mard ieħor”.
Għaliex filwaqt li l-file mediku tiegħu tal-Isptar m’huwiex parti mill-file tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali,
kieku dan kien minnu ma kienx ikollu għalfejn imur għand persuna fil-politika biex jinqeda. Għaldaqstant, il-Maġistrat Rachel Montebello qaleg li hija moralment konvinta illi l-imputat, meta iddikjara li t-tagħrif
fl-applikazzjoni huwa kollu minnu, għamel, xjentement, dikjarazzjoni falza lid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali.
Dan għaliex kien jaf, minn tal-inqas, li kien hemm tagħrif falz konsistenti f’rapport bil-firma ta’ tabib li qatt ma kien mar għandu biex jiġi eżaminat in konnessjoni mal-istess applikazzjoni, mingħajr qies tal-fatt illi l
applikazzjoni kien fiha wkoll tagħrif falz konsistenti fl-indikazzjoni li huwa jbati mill=-kundizzjoni ta’ ‘hydrocephalus’ u epilepsija, meta l-provi juru li dan mhux minnu.
Illi għall-fini tal-piena, il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni il-fedina penali tal-imputat li għalkemm turi li huwa diġa’ ngħata piena ta’ sentenza ta’ priġunerija, lim’hijiex waħda oneruża. Ħadet ukoll in konsiderazzjoni l-fatt illi l-imputat, proprju għaliex kien jaf li ma kienx qed japplika għal benefiċċju soċjali b’mod leġittimu.
Dan peress li huwa għamel profitt illegali minn fondi li jintużaw biex jiġi mgħejjun min tassew ikollu
bżonn l-assistenza għaliex fost oħrajn, ikun persuna gravement disabilitata. Ħadet qies ukoll tal-fatt illi l-istess att, ċioe’ id-dikjarazzjoni jew stqarrija falza u l-għoti ta’ tagħrif falz lil awtorita’ pubblika, kiser iktar minn dispożizzjoni waħda tal-liġi għaliex kien ukoll il-mezz li bih sar ir-reat ta’ frodi.
Għalhekk għandha tingħata biss il-piena għar-reat l-iktar gravi – dak tal-frodi. Fid-dawl ta’ dan kollu Aaron Caruana instab ħati u ġie kundannat sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin, u ordnat iħallas lid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali is-somma ta’ €22,238.87) rappreżentanti l-kumpens għat-telf ikkaġunat lill-istess Dipartiment permezz tar-reat ta’ frodi.
Il-Qorti kkundannat lill-ħati wkoll biex iħallas lir-Reġistratur tal-Qorti s-somma komplessiva ta’ €1,328.30ċ. rappreżentanti l-ispejjez imħallsin lill-periti u esperti maħturin fil-proċeduri. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Michael Tabone.
//= $special ?>