“Gvern ġdid Nazzjonlista se jkun qed jagħti prijorità lis-sigurtà f’pajjiżna kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fit-toroq ta’ pajjiżna.”
Dan kien il-messaġġ li għadda x-Shadow Minister għall-Intern Darren Carabott matul żjara li għamel it-Tnejn filgħodu għand il-Malta Red Cross – żjara li saret bħala parti mill-attivitajiet għal Jum il-Ħaddiem.

Matul din iż-żjara t-tmexxija tal-Malta Red Cross dawru lid-delegazzjoni tal-PN madwar l-uffiċini fejn setgħu jaraw mill-qrib il-ħidma li tagħmel din l-għaqda jum wara l-ieħor. Fost l-oħrajn spjegawlhom kif josservaw l-andament tat-traffiku; dan apparti li jkunu jafu fejn jinsabu l-ambulanzi f’kull ħin.
Apparti minn hekk, tkellmu wkoll fuq in-numru ta’ servizzi li toffri din l-għaqda fosthom fuq operazzjonijiet fuq il-baħar, servizzi tal-ambulanza kif ukoll lifeguarding f’numru ta’ bajjiet madwar pajjiżna.
Minn naħa tiegħu, Darren Carabott sostna li l-Partit Nazzjonalista ilu numru ta’ xhur jisħaq fuq l-importanza tas-sigurtà f’pajjiżna. U qal li għal Gvern ġdid Nazzjonalista s-sigurtà se tkun l-ogħla prijorità.
Darren Carabott spjega li permezz ta’ din iż-żjara setgħu josservaw aktar mill-qrib il-ħidma ta’ din l-għaqda.
Minn naħa tiegħu l-President tal-Malta Red Cross Edward Gruppetta tkellem fuq l-importanza ta’ aktar għarfien dwar l-ewwel għajnuna.
Matul din iż-żjara ġie spjegat li l-għaqda għandha madwar 19-il ambulanza u ‘il fuq minn 100 voluntier. U għalhekk f’każi ta’ emerġenza l-għaqda toffri l-għajnuna tagħha b’kull mod possibli.
Intant, għal din iż-żjara x-Shadow Minister Darren Carabott kien akkumpanjat ukoll mix-Shadow Ministers David Agius u Graziella Galea.
//= $special ?>