Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qed jinsisti li Iżrael ma għandu l-ebda għażla jew alternattiva ħlief li jkompli bil-konflitt ta’ Gaza.
Netanyahu — li qed ikun suġġett għal kritika kbira minħabba d-destin inċert tal-ostaġġi Iżraeljani f’idejn il-grupp tal-Ħamas — qal ukoll li l-gwerra f’Gaza tieqaf biss ladarba Iżrael jilħaq dawn it-tlett tragwardi….Il-qerda sħiħa tal-Ħamas bħala entità terroristika; il-ħelsien tal-ostaġġi msemmija u garanziji konkreti li Gaza, li taqsam fruntiera ma’ Iżrael, ma tibqax theddida kontinwa għall-poplu Iżraeljan.
Fl-aħħar tlett ijiem inqatlu ‘il fuq minn 100 Palestinjan – b’aktar minn 200 jindarbu – fi żmien meta t-truppi Iżraeljani qed jintensifikaw l-attakki fl-inħawi ta’ Gaza.,,…Dan ukoll bħala parti minn ‘kampanja ta’ pressjoni’ fuq it-terroristi tal-Ħamas biex huma jilliberaw lill-ostaġġi u jbaxxu rashom għal proċess ta’ diżarm.
Fl-istess ħin, il-Gvern ta’ Netanyahu qed jiffaċċja wkoll il-pressjoni min-naħa tal-qawwiet riservisti u l-eks-suldati Iżraeljani li rtiraw mis-servizz — ilkoll elementi li qed jikkuntestaw ‘il-validità’ tal-politika li tesiġi għat-tkomplija tal-ostalitajiet f’Gaza…..Kontinwazzjoni tal-attakki li fetħu l-fażi ġdida tal-gwerra wara li Iżrael, ix-xahar li għadda, ma riedx jintrabat aktar bil-kundizzjonijiet tal-waqfien mill-ġlied li kien intlaħaq b’diffikultà kbira aktar kmieni fis-sena.
Netanyahu hu wkoll irrabjat għall-fatt li l-Ħamas ma aċċettax l-aħħar proposti ta’ Iżrael biex jeħles nofs l-ostaġġi li għadu qed iżomm għal waqfien mill-ġlied ieħor li mistenni jkun ukoll temporanju.
Mindu Iżrael, fit-18 ta’ Marzu, beda l-fażi ġdida tal-gwerra f’Gaza ( u wara l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied inizjali sponsjorat mill-Qatar, l-Eġittu u l-Istati Uniti) inqatlu madwar 2,000 Palestinjan fost l-attakki tal-Iżraeljani fuq id-diversi zoni amministrati mill-Ħamas.Fl-istess azzjonijiet indarbu wkoll viċin il-5,000.
Intant, il-Ħamas f’Gaza ma jiddistingwix bejn ġellieda u ċivili kulmeta jippreżenta ċ-ċifri tal-vittmi aġġornati….Fl-istess ħin, in-Nazzjonijiet Uniti qed tgħid li n-nisa u t-tfal jikkostitwixxu ‘il fuq minn żewġ-terzi tal-imwiet fost il-Palestinjani u li n-nies tagħha setgħu jivverifikaw waqt din il-gwerra.
//= $special ?>