Il-Qorti laqgħet appell ta’ raġel li 12-il sena ilu ġie kundannat seba’ xhur ħabs wara li kien instab ħati li kellu ammont ta’ kannabis li ma kienx għal użu personali. Għaldaqstant Elton Cutajar li kien arrestat ma’ persuna oħra fuq dan il-każ ġie lliberat.
Dan peress li kien hemm numru ta’ nuqqasijiet fil-każ bl-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qlet li ma jistax ikollha s-serħan tal-moħħ li Elton Cutajar wettaq ir-reat mingħajr l-ebda dubju raġonevoli kif titlob il-liġi. Il-proekuzzjoni qalet li fi Frar tal-2013 Elton Cutajar, li dak iż-żmien kellu 24 sena, inqabad fil-pussess tad-droga waqt li kien ma’ persuna oħra ġo karozza fit-Top of the World fil-Għargħur.
Il-Pulizija kienu fittxew fil-Volkswagen Golf li kien qed isuq Cutajar wara li raw liż-żewġt irġiel fiha jaġixxu b’mod suspettuż. Madankollu f’parti mill-atti tal-proċess kienet qed tissemma karozza oħra, li għalhekk kompliet titfa’ d-dubji fuq il-każ.
L-ewwel Qorti kienet qieset kif matul iż-żmien beda jikkontrolla l-vizzju u qed jgħix ħajja stabbli. Fid-dar fejn kien jgħix instabu wkoll oġġetti relatati mad-droga, fosthom grinder, boroż vojta bi ‘smiley’ fuqhom, pipi u raża tal-kannabis.
Il-Qori tal-Maġistrat f’Marzu ta’ sentejn ilu ma sabitx lil Cutajar ħati li pproduċa jew biegħ il-kannabis, madanakollu sabitu ħati li kellu fil-pussess tiegħu pjanta u raża tal-kannabis li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu.
Il-Qorti kienet ukoll iddeċidiet li tnaqqas il-piena ta’ ħabs fid-dawl tar-rapport soċjali dwar il-ħajja stabbli li qed jgħix Cutajar bħalissa, kif ukoll il-fatt li kkopera mal-Pulizija tul l-investigazzjoni. Minbarra seba’ xhur ħabs effettivi, huwa kien ordnat ukoll iħallas €900 multa u €373 fi spejjeż tal-Qorti. Issa l-Qorti tal-Appell irrevokat kull ħtija fil-konfront tal-imputat.
Il-Qorti ta-Appell qalet Illi huwa important li wieħed jindaġa sew kif is-sustanza allegatament droga mill-post fejn seħħ l-inċident waslet fl-uffiċju tal-Ispettur, illum Supretendent Josric Mifsud. F’dan ir-rigward xehed l-uffiċjal tal-Pulizija Alex Mifsud fejn kien qal li l-allegat droga ġiet elevata minn kuntistabbli u dan ħadha l-Għassa tan-Naxxar.
F’seduta preċedenti, mkien ma qal li kien hu li eleva s-sustanza suspetta droga. Huwa qal biss “arrestajniehom, tajniehom it-twissija u ħadniehom l-għassa tan-Naxxar u nfurmajna lill-Ispettur tan-Naxxar, is-Sur Josric Mifsud li min-naħa tiegħu imbagħad informal lil tad-Drug Squad”.
F’seduta oħra l-uffiċjal Stephen Micallef kien qal li żewġ kuntistabbli ppreżentawlu diversi oġġetti relatati mad-droga. Illi dan huwa l-ewwel nuqqas tal-prosekuzzjoni marbuta mac-Chain of Custody. Jekk kien proprju PC 899 John Paul Vella li eleva d-droga u ħadha l-Għassa tan-Naxxar, huwa kellu jikkonferma dan bil-ġurament tiegħu.
Kellu ukoll jikkonferma li kien hu li poġġiha fl-uffiċju tal-Ispettur u jispjega minn kellu aċċess għal dik il-kamra sakemm waslu PS 465 Daniel Abela u PS826 Matthew Parnis li imbagħad elevaw id-droga. Ix-xhieda ta’ PC 660 Alex Mifsud weħedha mhux suffiċjenti u ċertament ma hijix l-aqwa prova.
Huwa aktar ta’ tfixkil ix-xhieda ta’ PS 839 Stephen Micallef meta qal li l-oġġetti inġabu miż-żewġ kuntestabbli PC 899 u PC 660 meta PC 899 ma semma’ xejn rigward il-fatt li huwa eleva d-droga waqt li PC 660 qal li kien PC 899 li eleva d-droga.
Illi t-tieni nuqqas marbuta mac-Chain of Custody huwa riavviżat meta x-xjenzat Godwin Sammut ġie awtoriżżat sabiex jeleva s-sustanza suspetta droga u jwettaq it-testijiet neċessarji sabiex jikkonstata jekk dik is-sustanza misjuba hijix effettivament droga u f’każ affermattiv il-purità tagħha.
Huwa irtira l-eżebit li kien fl-“Atti tal-Inkjesta dwar Sejba ta’ droga ġo vettura Ford magħrufa bħala Top of the World fil-Għargħur”. Hawnhekk għal ewwel darba u b’mod anke inspjegabbli jirriżulta li din id-droga kienet instabet ġewwa vettura tat-Tip Ford.
Illi mix-xhieda tal-uffiċjali kollha involuti, l-imputat u Wayne Calleja instabu ġewwa vettura tat-Tip Volkswagen. Illi din it-tip ta’ vettura ma tirriżulta minn ebda att ieħor f’dawn il-proċeduri. Il-Qorti tal-Appell qalet ma tistax hi tassumi li dan huwa sempliċiment żball tal-pinna kif qiegħed jipprova jgħid l-Avukat Ġenerali.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li ma tista’ qatt tassumi fatt u kull dubbju għandu jmur favur l-imputat – Jirriżulta għalhekk li f’dawn il-proċeduri hemm nuqqasijiet serji marbuta maċ-Chain of Custody u għalhekk il-Qorti laqgħet dan il-punt.
Għalhekk ir-rapport tal-espert Godwin Sammut qiegħed jiġi skartat u mhux sejjer jingħata ebda piż probatorju. Konsegwentement imbagħad allura f’dawn il-proċeduri mkien ma jirriżulta li s-sustanza fil-pussess tal-imputat kienet tabilħaqq droga illeċita.
Fid-dawl ta’ din il-konkluzjoni din il-Qorti laqgħet l-appell ta’ Elton Cutajar u ghalhekk qeghda tiddikjara lill-akkuzat mhux hati u tilliberah minn kull imputazzjoni u piena.
//= $special ?>