Internazzjonali

L-aħħar żjara tal-Papa Franġisku f’Malta

2 ta’ April, 2022 – il-Papa Franġisku jagħmel il-wasla tiegħu fil-Gżejjer Maltin b’eluf ta’ nies joħonqu t-toroq ta’ pajjiżna biex jilqugħ – uħud bil-bnadar, oħrajn bil-kartelluni – mill-Marsa sal-Belt Valletta, minn Ta’ Pinu Għawdex, sar-Rabat – ilkoll flimkien, sabiex jagħtu merħba lill-Kap tal-Knisja Kattolika.

Fl-ewwel diskors tiegħu li wassal mis-Sala tal-GranMastri fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, il-Papa Franġisku kien enfasizza l-fatt li jeħtieġ li nsaħħu s-sisien tal-għixien komuni – tkellem favur il-ġustizzja, t-trasparenza, kontra l-korruzzjoni u favur il-ħarsien tal-liġi. Temi komuni, kontemporanji sal-lum il-ġurnata wara das-snin kollha.

Matul dak id-diskors Jorge Bergoglio kien ħass il-ħtieġa li jitkellem ukoll dwar l-importanza li nħarsu l-ambjent ta’ madwarna u mhux nabbandunawh f’dejn l-ispekulaturi.

L-atmosfera fil-pajjiż f’dawk il-jumejn kienet waħda ta’ ġabra, u entużjażmu liema bħalu għal wasla tal- Papa Franġisku fostna; partikolarment wara l-fatt li din iż-żjara kienet waslet ftit tal-jiem biss wara l-Elezzjoni Ġenerali li xi ftit jew wisq kienet ippolarizzat lill-pajjiż.

Matul dawn il-jiem bosta kienu dawk li riedu jaraw b’għajnejhom lill-Papa Franġisku li vjaġġa f’Malta permezz tal-Pope Mobile minn lokalità għal oħra.

Iżda ċertament wieħed jibqa’ jiftakar il-vjaġġ li għamel lejn il-gżira t’Għawdex meta telaq mill-Port il-Kbir, akkumpanjat minn għadd ta’ dgħajjes u bċejjeċ oħra tal-baħar.

Vjaġġ li immarka lill-poplu bl-umiltà u s-sempliċità li l-Papa Franġisku biss kien jaf iwassal – permezz ta’ tbissima sinonima miegħu – ferħ u tama li kien ixerred qalb dawk kollha li jsegwuh. Vjaġġ li wasslu sas-Santwarju ta’ Pinu fejn jilqugħ sab bosta Għawdxin jxejjru l-ilwien sofor u bojod.

Matul id-diskors tiegħu – il-Papa Franġisku tkellem fost l-oħrajn dwar il-ħtieġa li nħarsu lejn dawk l-aktar fil-bżonn, partikolarment l-immigranti.

L-immigranti li tul il-jumejn li qatta’ Malta tkellem ħafna dwarhom iżda mhux biss, saħansitra għamilha premura li jżurhom fil-Laboratorju tal-Paċi qabel ma’ ħalla din il-gżira.

Huwa qalilhom li dejjem kien jinsab viċin tagħhom u li ma kien se jinsihom qatt.

Hekk kif kienet għadha kemm tfaqqa’ friska l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, IL-Papa Franġisku lissen l-inkwiet tiegħu fuq l-eluf ta’ Ukreni li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom; persuni li kellhom jabbandunaw lil familthom. Fatt li sal-lum il-ġurnata għadna nħabbtu wiċċna miegħu bħala kontinent.

Huwa insista li l-ħolma tiegħu kienet waħda – dik li l-umanità ma jkollhiex fruntieri quddiem l-akkoljenza u l-fraternità.

Matul din iż-żjara ta’ jumejn, Jorge Bergoglio kellu waqfa fil-Grotta ta’ San Pawl fejn hemmhekk xegħel xemgħa u qatta’ ftit ħin ta’ talb quddiem il-figura ta’ San Pawl Appostlu. Iżda ċertament l-aktar mument ta’ tenerezza u emozzjoni mmensa wasal meta l-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ numru ta’ persuni vulnerabbli ta’ kull età.

Fl-istess jum, huwa kien żar il-Kappella ta’ Dun Ġorġ fil-Blata l-Bajda fejn hemm talab quddiem il-korp qaddis ta’ San Ġorġ Preca, il-fundatur tas-soċjetà tad-Duttrina Nisranija – hemm ukoll kellu l-okkażjoni li jsellem lill-mijiet ta’ nies li nġabru quddiem il-kappella.

Ċertament il-qofol ta’ dan il-vjaġġ intlaħaq tul iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana li kienet ġibdet eluf ta’ nies preżenti u miljuni oħrajn li segwew f’xandira diretta minn madwar id-dinja.

Il-messaġġ tal-Papa kien wieħed iffukat fuq il-proxxmu, il-gwerra fl-Ukrajna, l-immigrazzjoni, il-paċi u l-bżonn tal-maħfra. Huwa kien saħaq li hemm bżonn li nixbħu aktar lil Ġesù u minflok nikkundannaw; filwaqt illi irridu infittxu li naħfru.

Iż-żjara tal-Papa fil-gżejjer Maltin u Għawdxin bla ebda dubju kienet waħda storika, illi fiha spikka l-karattru mill-isbaħ tal-Papa Franġisku u l-mod kif il-poplu irrisponda għal din il-miġja. B’daqq ta’ baned, ilwien, ċapċip u ferħ… mhux biss fil-Belt u f’Għawdex, iżda wkoll fit-toroq tar-Rabat u anki f’Birżebbuġa….

Żjara li fiha l-Papa wassal messaġġ ta’ tama – iżda fuq kollox, permezz tal-umiltà ta’ Franġisku, il-Knisja setgħat tfakkar għal darb’oħra il-miġja ta’ missierna San Pawl, u l-fidi li għandna ngħixu ta’ kuljum bħala poplu Nisrani.

Fl-aħħar ta’ kull vjaġġ li jagħmel, il-Papa jibgħat telegramma lill-mexxej ta’ kull pajjiż li jżur sabiex jirringrazzjahom talli laqgħuh. U fil-messaġġ li kien għamel lil Malta, il-Papa Franġisku rrefera għall-Maltin bħala teżor għal Knisja, u qal li bla dubju se jibqa’ jiftakar il-wiċċ luminuż tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Il-Papa rringrazzja lil dawk kollha li għamlu l-għalmu kollu tagħhom sabiex din iż-żjara setgħet issir, filwaqt li fakkar lill-poplu Malti sabiex jibqa’ jwassal il-kelma ta’ Alla kull fejn ikun.