Knisja Lokali

Quddiesa b’suffraġju għall-Papa Franġisku

It-Tlieta, 22 ta’ April 2025, l-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra quddiesa De Requiem għall-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fis-6:30pm fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, wara li t-Tnejn filgħodu mar lura fid-dar tal-Missier fl-età ta’ 88 sena.

Kulħadd mistieden jattendi għal din iċ-ċelebrazzjoni sabiex il-Mulej jilqa’ lill-Papa Franġisku fi ħdanu u jagħtih il-milja tal-paċi, tal-imħabba u tal-ferħ miegħu fis-sema. Is-saċerdoti djoċesani u reliġjużi huma mistiedna wkoll jikkonċelebraw f’din il-quddiesa.

F’isem il-Knisja f’Malta, l-Arċisqof Charles Scicluna qal: “Hekk kif il-Knisja Kattolika bħalissa qed tiċċelebra l-qawmien mill-imwiet ta’ Sidna Ġesù Kristu, għandna nafdaw ir-ruħ tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku f’idejn il-ħniena ta’ Alla. Lill-Papa għandna nibqgħu niftakruh bħala l-missjunarju kbir tal-ħniena tal-Mulej għaliex il-pastorali tiegħu dejjem kienet li jkun viċin dawk li għandhom bżonn il-ħniena ta’ Alla”.

Mil-lum sa nhar il-funeral tal-Qdusija Tiegħu, il-knejjes kollha f’Malta se jdoqqu l-qniepen b’tislima u ringrazzjament għas-servizz li l-Papa Franġisku ta lil Kristu, lill-Knisja Kattolika u lill-umanità kollha.

Intant, minn għada, se jkun hemm ktieb ta’ kondoljanzi fin-Nunzjatura Appostolika għal Malta
f’Tal-Virtù r-Rabat.