Il-bdiewa f’Ta’ Qali ntebħu bl-aħbar li l-art agrikola tagħhom li ilhom snin jaħdmu fuqha se tinbidel f’sit ta’ trattament tad-drenaġġ.
Skont informazzjoni miksuba mis-sit MaltaToday, jidher li l-gvern temm il-kirjiet ta’ madwar 3,897 metru kwadru ta’ art li kienet maqsuma f’diversi parzelli, u li kienet qed tintuza minn madwar 12-il bidwi sabiex jkabbru prodotti agrikoli.
Jidher li dan il-proġett se jkun parti minn proġett ta’ afforestazzjoni għall-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Madankollu, l-bdiewa esprimew rabja u diżappunt minħabba l-fatt li kienu se jitilfu l-użu ta’ arthom, kif ukoll esprimew tħassib għall-fatt li dan l-impjant jaf jaffettwa d-dwieli fil-viċinanzi minħabba d-dell, kif ukoll iġib miegħu iżjed storbju, tniġġis, u żieda fit-traffiku.
Barra minn hekk, argumentaw ukoll fuq il-fatt li seta’ jkun aktar għaqli li kieku nbnew xi riżervi taħt il-parkeġġi tal-park sabiex jinġabar l-ilma tax-xita, u li jiġi konnessi ma’ sistema ta’ distribuzzjoni ġdida.
S’issa għadha ma ġietx uffiċjalment sottomessa applikazzjoni għal dan l-iżvilupp, iżda dan il-proġett qed iqajjem bosta tħassib dwar il-bilanċ bejn l-ambjent, l-iżvilupp, u l-bżonnijiet tal-komunità agrikola.
//= $special ?>