Lokali Qorti

Tliet snin ħabs fuq kultivazzjoni tal-kannabis fin-Nadur

Żagħżugħ ta’ 27 sena residenti n-Nadur ġie kkundannat tliet snin ħabs effettivi wara li ammetta li kabbar ammont kbir ta’ pjanti tal-kannabis f’ammonti iktar milli permessi mil-liġi. Muhammed Sueheyl Guendogdu, imwieled il-Ġermanja, ammetta li fl-aħħar ta’ Marzu li għadda, u qabel, ikkultiva l-pjanta kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Kien wara diversi jiem ta’ sorveljanza fuq residenza fi Triq ix-Xjuf ir-Riħ, fin-Nadur, li l-pulizija daħlu u sabu kamra armata b’apparat relatat mal-kultivazzjoni tad-droga. Fil-kamra il-Pulizija sabet madwar 20 pjanta tal-kannabis ta’ kull daqs, żrieragħ tal-istess droga kif ukoll oġġetti oħra relatati mal-kultivazzjoni tal-kannabis.

Wara sorveljanza fuq residenza fi Triq ix-Xjuf ir-Riħ, in-Nadur, il-Pulizija, permezz ta’ mandat, kienu daħlu ġewwa u sabu kamra armata b’apparat relatat mal-kultivazzjoni tad-droga. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza il-Maġistrat Simone Grech qieset l-ammissjoni bikrija tiegħu meta ġiet biex tagħti l-piena u sabitu ħati fuq ammissjoni tiegħu stess.

Huwa ġie ordnat ukoll iħallas multa ta’ €3,000 u jekk jonqos milli jagħmel hekk, il-multa tiġi konvertita f’ħabs addizzjonali.