Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied temporanju li kien ħabbar il-President Russu Vladimir Putin, fil-verità, irriżulta biss f’logħba bil-kliem u meta l-qawwiet Russi, matul il-lejl tal-Ħadd, sparaw numru kbir ta’ drones lejn ir-reġjuni tal-Ukrajna.
Din kienet il-‘konsegwenza naturali’ mat-tmiem tal-hekk-imsejjaħ Ftehim għall-Għid li suppost kellu jżomm għal 30 siegħa u li suppost li kellu jagħti ftit tan-nifs lill-poplu Ukren li qed ibati mill-attakki indiskriminattivi tal-qawwiet tal-Kremlin.
Fil-verità, ir-Russi u l-Ukreni, anki fi tmiem il-ġimgħa, ma waqfux jakkużaw lil xulxin dwar ‘abbużi’ għall-ftehim u meta kollox jindika li l-azzjonijiet militari kienu qed ikomplu xorta waħda.
Fl-istess ħin, ir-Russi riservaw l-attakk kbir bid-drones fuq l-Ukrajna għal ftit sigħat ilu u bl-allert dwar ir-rejds tal-ajru joħorġu għaċ-ċittadini Ukreni fir-reġjun ta’ Kiev, kif ukoll għall-abitanti ta’ Kherson, Dnipropetrovsk, Cherkasy, Mykolaiv u Zaporizhzhia.
Dan ukoll fost rapporti dwar sensiela ta’ splużjonijiet fl-inħawi ta’ Mykolaiv u reġjuni oħra tal-Ukrajna, bl-istatistika dwar vittmi ma toħroġx sal-ħin li morna għall-istampa.
Fl-aħħar sigħat, ir-residenti ta’ diversi bliet Ukreni, inkluża Kiev, kienu mħeġġa biex jiġru lejn ix-xelters minħabba l-imprevedibbiltà tal-attakki bid-drones u meta s-sistemi tad-difiża tal-Ukreni rnexxielhom iwaqqgħu numru minn dawn l-inġenji.
U filwaqt li l-Ukrajna kundannat l-aħħar attakki fuq iċ-ċivili tagħha, il-Ministeru tad-Difiża Russu kkonferma li l-ġlied kien qed jissokta mal-Ukreni – u fost stqarrija li l-militar tiegħu ‘kien osserva strettament il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied imħabbar minn Putin.’
Fl-aħħar sigħat, ir-reġjuni fiċ-ċentru tal-Ukrajna spiċċaw anki mira għall-missili tar-Russi u meta l-ajruplani tal-gwerra tal-Kremlin kienu attivi fiz-zoni tal-ajru lejn il-Grigal u l-Lvant tat-territorji Ukreni.
Mifhum li, fl-aħħar attakk, kienu sparati ‘il fuq minn 100 drone lejn l-Ukrajna – u wara li l-kelliema għall-Kremlin sostnew li l-President Putin ma kien ħareġ l-ebda direttiva għall-estensjoni tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied temporanju…Ftehim li, għal ħafna sigħat, baqa’ mhux osservat.
//= $special ?>