minn Ċensu Galea
Nista’ ngħid li lil Francis ili nafu iktar minn 50 sena. L-attiviżmu tagħna fil-kamp studentesk u fil-kamp politiku mexa fuq l-istess passaġġ.
Kien hemm oqsma oħra li fihom l-attiviżmu tagħna kien differenti. Francis kien attiv fl-oqsma tal-kultura, jien kont iktar attiv fl-oqsma marbuta mal-agrikultura. Mhux kull pass li mxejna qsamnieh flimkien. Mhux dejjem qbilna f’kollox. Imma meta qbilna, u meta ma qbilniex, dejjem għamilna dan b’rispett kbir lejn xulxin.
Il-backgrounds tagħna kienu differenti għalkollox minn xulxin. Francis tifel tal-belt (San Ġiljan). Jien tifel tar-raba’ (Għajn Stas). Imma kien x’kien dak il-background dejjem ippruvajna nsibu dawk il-punti li jgħaqqduna. Magħna għal ħafna żmien kien hemm attivisti oħra. Fosthom Tonio Borg, Ray Bondin u Carm Mifsud Bonnici.
Illum ser nillimita ruħi għall-ħajja fil-politka.
Tista’ tgħid li bdejna fil-Moviment Żagħżagħ tal-PN fl-istess perjodu. Kemm jien kif ukoll Francis uTonio Borg servejna bħala President tal-MŻPN fl-aħħar tas-snin Sebgħin u fil-bidu tas-snin Tmenin.
Żmien diffiċli. Żmien li mhux faċli li tiddiskrevih iktar minn 40 sena wara. Minn dakinhar għexna ħajjitna qrib xulxin. Dan jgħodd b’mod partikolari għalija, għal Tonio u għal Francis. Ħdimna, batejna, dħaqna, inkwetajna, sifirna u konna ta’ għajnuna lil xulxin fuq medda twila ħafna ta’ snin. Fil-partit, fil-Parlament, fil-Kabinett. Dejjem rajna l-interess ta’ dan il-poplu.
Tonio u Francis kellhom ukoll l-opportunità jgħinu lill-poplu Malti fuq livell Ewropew.
Il-mewt ta’ Francis se tnaqqas l-ewwel wieħed minna t-tlieta. Daqshekk telefonati jew diskussjonijiet fuq il-partit u fuq il-pajjiż.
Francis minna t-tlieta, u fi gruppi ikbar ukoll, dejjem kien jara l-pożittiv. Għalih, f’kamra fi dlam ċappa, dejjem kien hemm dawl qawwi jixgħel dik il-kamra ukoll meta ħlief dlam ma kienx hemm. Anke kien li meta biex tgħid li qed tara d-dawl tkun qed tissogra li ta’ madwarek jidħqu bik.
Pożittiv, lest li jservi u jagħmel dan bla interessi personali.
Mhux faċli għalija li nikteb dan l-artiklu. Mhux faċli għalija li nesprimi ruħi f’dawn iċ-ċirkostanzi. Anzi hu diffiċli ħafna.
Għalhekk irrid nieħu din l-okkażjoni biex nagħmel appell ġenwin lil dawk kollha li għadhom jemmnu fil-politika. Nagħmel appell ġenwin lil dawk kollha li jridu jservu fil-ħajja pubblika permezz tal-politka.
Fil-politika, il-glorja personali għandha tkun l-aħħar ħaġa li nfittxu. Il-glorja għandha tiġi minn dawk li japprezzaw xogħolna, u mhux għaliex nagħmlu ħilitna kollha biex nidhru li qed nagħmlu xi ħaġa.
Konxju mill-fatt li meta bdejna fil-politka fl-aħħar tas-snin Sebgħin, fil-bidu tas-snin Tmenin, id-dinja kienet waħda totalment differenti minn dik tal-lum. Dakinhar ma kellniex internet, ma kellniex facebook u midja soċjali oħra. Konxju li dawn illum saru għodda importanti ferm imma din l-għodda għandha sservi biex twassal il-messaġġ kollettiv.
Fost il-ħsibijiet kontinwi li kellu Francis kien hemm dak li dejjem ħsiebu biex jixtri l-aħħar mudell tal-mobile u għal ċertu żmien li jixtri l-aħħar mudell ta’ camera. Darba minnhom spiċċajna fl-aħbarijet fuq gazzetta Taljana, jien, Tonio u n-nisa tagħna flimkien ma’ Francis, għaliex xi ħadd seraqlu l-camera li kien għadu ferħan biha għax kienet għadha ġdida, u dan minn ċentru amministrattiv importanti fiċ-ċentru ta’ Ruma. Trid tara l-istagħġib tal-uffiċjali tal-Pulizija meta dħalna l-għassa biex nagħmlu r-rapport f’nofs ta’ lejl! Meta talbuna d-dettalji, u wieħed wara l-ieħor għednielhom li konna Ministri, kienu se jarrestaw lilna!
Minbarra episodji bħal dawn, firxa ta’ iktar minn 50 sena ħbiberija bilfors tħalli marka importanti fuqna lkoll.
Il-mument li qed ngħixu llum konna nafu li ħin jew ieħor se jasal. Konna nafu li se jkollna ngħaddu minnu. Imma hemm bosta lezzjonijiet għal dawk kollha li qegħdin jew li qed jitħajru jidħlu fil-ħajja politka. Francis, minkejja li mhux dejjem kien fl-aħjar qagħda fiżika personali, baqa’ jattendi kull attività li kien jorganizza l-partit, sa meta beda jinħatar Aġent President, fejn allura waqqaf il-preżenza tiegħu fi ħdan il-partit. Baqa’ jsegwi dak kollu li kien għaddej madwarna.
Baqa’ jurina li l-glorja personali kienet l-inqas ħaġa li kienet tinteressah.
Issa Francis m’għadux magħna. Issa ma nistgħux nitkellmu miegħu. Imma kull min qiegħed fuq quddiem fil-politika għandu jħares lejh u jitgħallem. Kull politiku fi ħdan partit għandu jqis lilu nnifsu bħala parti minn magna kbira. Kull wieħed minna hu ħolqa li trid tintuża biex il-katina tkun iktar b’saħħitha u mhux biex il-ħolqa individwali tidher iktar qawwija mill-katina nnifisha. Dawk li jridu jidhru li huma ħolqa b’saħħitha ħafna, f’katina iktar dgħajfa minnhom, għandhom joqogħdu ftit bilqiegħda, jiftakru f’dak kollu li għamel Francis qabilhom, u jikkupjawh.
Żgur li hawn ħafna x’nitgħallmu mill-eżempji tiegħu.
Mela aħna lkoll għandna naraw li l-ewwel u qabel kollox naħdmu biex l-għaqda li qegħdin fiha tikber iktar. Għandna naraw li l-ħidma tagħna tkun indirizzata biss lejn it-tkabbir tal-għaqda sħiħa u mhux tagħna personali. Aħna nikbru jekk u meta l-għaqda li qegħdin fiha tikber iktar minna stess. Aħna nikbru jekk u meta l-ħidma tal-għaqda tagħna tkun tista’ tissarraf f’ġid komuni. Aħna nikbru meta, mal-kumplament tal-għaqda li nkunu fiha, nassiguraw li l-messaġġ tagħna jitwassal u jinftiehem aħjar minn dawk kollha li l-messaġġ hu indirizzat lejhom.
Issa li Francis m’għadux magħna għandna naraw li nimxu fuq l-eżempji tiegħu. Niftakru li llum pajjiżna qed jitlob bil-ħniena biex ikollu persuni li verament jaħdmu għall-ġid ta’ dan il-pajjiż u dan il-poplu. Għal dawk li jgħiduli li llum mhux bħal meta bdejtu intom, nirrispondi li l-għanijiet tal-politiċi li jagħmlu l-ġid għandhom u għadhom l-istess. Dawk li ma jarawx il-missjoni tagħhom bħala għodda għal soċjetà u pajjiż aħjar hemm affarijiet oħra x’jistgħu jagħmlu bil-ħin u bil-kapaċitajiet tagħhom.
Ejja naraw li l-eżempju ta’ Francis ikaxkarna miegħu lejn aktar ħidma bla waqfien għall-ġid ta’ pajjiżna.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 22 ta’ April, 2025.
//= $special ?>