14-il klabb Malti se jkunu qed jirċievu bejnithom mill-UEFA, l-ammont ta’ ftit aktar minn €1.2 miljun. Fi stqarrija maħruġa mill-MFA, l-assoċjazzjoni spjegat li l-UEFA se tkun qed tqassam l-ammont totali ta’ €233 miljun, lil 901 li ġejjin minn 55 assoċjazzjoni nazzjonali parteċipanti u li huma membri tal- konfederazzjoni tal-futbol tal-Ewropa.
Dawn huma flus dovuti lil dawk il-klabbs Ewropej li jkunu rrilaxxaw il-plejers tagħhom għal kompetizzjonijiet tat-timijiet nazzjonali. Dawn il-kompetizzjonijiet jinkludu l-UEFA Nations League li saru fl-istaġun 2020/21 u 2022/23, il-partiti mill-gruppi ta’ kwalifikazzjoni għall-fażi finali tal-Ewro 2024, li saru bejn l-2022 u l-2024 u l-fażi finali tal-Ewro 2024.
Mill-14-il klabb Malti, Ħamrun Spartans ħadu l-akbar sehem mill-ammont allokat lill-klabbs Maltin li bħala total jammonta bl-eżatt għal €1,240,401. Sintendi l-Ħamruniżi se jkunu qed jieħdu l-akbar ammont minn fost il-klabbs Maltin għaliex kellhom l-akbar ammont ta’ plejers li ġew rilaxxati biex jilgħabu mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżhom, f’dawn il-kompetizzjonijiet imsemmija, L-ammont sħiħ li se jieħdu Ħamrun Spartans mill-UEFA hu dak ta’ €307,356.
Hibernians huma t-tieni l-aktar li se jibbenefikaw minn dan il-programm ta’ benefiċċji tal-UEFA, b’somma finanzjarja ta’ €234,176. Valletta huma t-tielet l-aktar minn din il-lista ta’ 14-il klabb Malti li se jkun u qed jieħdu parti minn dan is-sehem tal-UEFA, bl-ammont li se jieħdu l-Beltin mill-UEFA se jkun ta’ €193,927.
Il-lista kompluta tal-ammonti li se jkunu qed jieħdu l-14-il klabb Malti mill-UEFA, f’ordni alfabetika hu kif ġej:
Balzan FC – €40,249
Birkirkara FC €171,973
Sirens FC €14,636
Floriana FC €87,816
Gudja United FC €3,659
Gzira United FC €47,567
Ħamrun Spartans FC €307,356
Hibernians FC €234,176
Marsaxlokk FC €10,977
Santa Lucia FC €25,613
Sliema Wanderers FC €84,157
Valletta FC €193,927
Żabbar St Patrick FC €7.318
Żejtun Corinthians €10,977
F’kummenti li ta l-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, wara li l-UEFA ħabbret id-dettalji tal-iskema, huwa rrimmarka hekk, “huwa ta’ sodisfazzjon li tkompli tara aktar solidarjeta’ favur is-sistema tal-futbol lokali. Grazzi għall-plejers li jintgħażlu fit-tim nazzjonali tal-kbar tal-Irġiel, il-klabbs rispettivi u b’rappreżentanza fi-tim nazzjonali qiegħdin jingħataw flejjes importanti biex bihom ikomplu jinvestu fl-iżvilupp tal-logħba. Fi ftit snin l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol irnexxielha toħloq dħulijiet importanti għall-klabbs, u dan grazzi għall-parteċipazzjoni attiva’ f’livell ta’ UEFA u għad-deċiżjonijiet strateġiċi li ħadet u li wasslu biex il-klabbs fil-livell professjonali jingħataw iċ-ċans jikbru f’awtonomija kummerċjali. Sabiħ ukoll tara li uħud mill-flejjes se jaslu wkoll għand klabbs li llum mhux parti mill-ogħla diviżjoni f’pajjiżna iżda huma parti integrali mill-piramida tal-futbol domestiku.”
Il-President tal-MFA tenna, “l-Assoċjazzjoni qiegħda taħdem ukoll biex il-klabbs iż-żgħar, li se jitilfu l-flejjes ta’ solidarjeta’ mill-kompetizzjonijiet tal-klabbs fl-Ewropa wara l-arranġament li daħal fis-seħħ bejn il-UEFA u L-ECA, ikollhom skemi ġodda ta’ assistenza finanzjarja li tasal għandhom biex ikomplu jinvestu fis-settur ġovanili. Din hija l-ħidma li qiegħdin nagħmlu biex ħadd mill-affiljati ma jibqa’ lura.”
Il-klabbs li se jdgawdu minn din l-assistenza finanzjarja, li tinsab fit-tielet ċiklu tagħha, internazzjonalment ivarjaw minn dawk fil-livell elite għal dawk fil-livell tad-dilettanti. Dan il-prinċipju hu rifless anki fit-tqassim relatat mal-klabbs lokali.
//= $special ?>