“Dejjem kien qrib in-nies, u wera kompassjoni u l-għożża lejn kull persuna.”
Kien dan il-messaġġ li twassal fl-omelija li saret mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna waqt quddiesa b’suffraġju għal ruħ il-Papa Franġisku fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta sabiex seta’ jfakkar min verament kien Jorge Mario Bergoglio.
L-Arċisqof qal li meta jiġbor dak li kien għalina l-Papa Franġisku huwa qal li diffiċli tiġbor il-messaġġi kollha li ħallielna iżda żgur jibqa’ mfakkar bħala dik il-persuna qrib in-nies, b’kompassjoni u għożża liema bħalha.
Quddiem it-telfa tal-Papa, l-Arċisqof fakkar kif wieħed m’għandux jieħu l-ħajja qisu xejn mhu xejn iżda b’differenza nintebħu kemm verament hi prezzjuża.
Charles Scicluna qal kif il-Papa dejjem assigura li jwassal messaġġ ta’ tama billi jlaqqa’ lill-popli mal-ħniena ta’ Alla ħalli d-dinja ssir iktar fraterna hekk kif kull persuna tinsab fuq l-istess dgħajsa biex jissielet mal-ħajja.
Fakkar kif il-Papa kien qies lil Malta bħala muftieħ, il-warda tal-irjieħ fejn wieħed jista’ jara r-reġjun tal-Mediterran, li jfisser li jeħtieġ ma ninsewx li pajjiżna kapaċi jkun dak il-pajjiż li joffri l-paċi u t-tama.



Ritratti: Joseph Galea
//= $special ?>