Malta għandha tesplora aktar koperazzjoni maċ-Ċina.
Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech meta illum issokta biż-żjara uffiċjali f’dan il-pajjiż, akkumpanjat minn delegazzjoni tal-PN.
Bernard Grech qal li minn Chongqing – li hija wkoll l-akbar manifattur tal-laptops fid-dinja – għandna ħafna x’nitgħallmu dwar kif nistgħu nibnu ekonomija bbażata fuq xogħol ta’ kwalità u ħaddiema mħarrġa f’setturi high-tech bl-użu aħjar tal-AI u tal-awtomazzjoni.
“Impressjonanti r-rata mgħaġġla li biha ċ-Ċina qed tiżviluppa f’pajjiż li jħaddem teknoloġija high-tech f’kull qasam. F’Chongqing, l-akbar belt fiċ-Ċina, żort fabbrika tal-vetturi elettriċi li tuża l-aktar teknoloġija avvanzata fid-dinja, b’livell għoli ta’ awtomazzjoni u AI. Dan jippermetti li ħafna mix-xogħol manwali jsir kważi kollu minn robots, b’hekk il-ħaddiema ġew re-skilled jew up-skilled biex jagħmlu xogħol li jħallas aktar. Dan il-mudell ippermetta wkoll li terz tal-ħaddiema li timpjega l-kumpanija huma ffukati fuq ir-riċerka u l-iżvilupp li b’pagi aħjar, li wkoll jgħinu lill-kumpanija tkompli tavvanza.”
Aktar tard, id-delegazzjoni tal-PN ipparteċipat f’konferenza li ddiskutiet kif iċ-Ċina qed tkompli tittrasforma ruħha billi tħaddan prattiċi, sistemi u teknoloġiji avvanzati li qed iwasslu għal ekonomija ta’ aktar kwalità.

