Lokali

Ktieb ta’ kondoljanzi fin‑Nunzjatura Appostolika wara t-tħabbira tal-mewt tal-Papa Franġisku

Wara li ġiet imħabbra l-mewta tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, id-dinja daħlet għal jiem ta’ luttu. Pajjiżna ngħaqqad għal dawn il-jiem b’turija ta’ rispett lejn ix-xogħol li wettaq il-Papa bla qies tul dawn is-snin kollha.

Fil-fatt, kemm il-jum li mar miet u anke dakinhar li se jsir il-funeral se jkunu ġranet ta’ luttu nazzjonali tant li dakinhar tal-funeral saħansitra se jitħassru kull funzjonijiet u attivitajiet pubbliċi tal-Gvern. Dan apparti li l-bnadar kollha fuq il-bini u l-uffiċini pubbliċi għandhom jittajru mezz’asta.

Mit-Tlieta tpoġġa ktieb ta’ kondoljanzi fin‑Nunzjatura Appostolika għal Malta, f’Tal‑Virtù r‑Rabat fejn fost l-oħrajn taw il-kondoljanzi tagħhom l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J Scicluna u l-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono. Wieħed seta’ jagħmel mumenti ta’ talb fil-kappella tal-istess Nunzjatura Appostolika għal ruħ il-Papa Franġisku, l-istess post fejn kien qatta’ ż-żewġ iljieli tiegħu meta żar pajjiżna.

Intant, b’memorja għal Papa Franġisku, In-Nazzjon ippublika suppliment dettaljat ta’ tmien paġni b’artikli u kitbiet ta’ opinjonijiet dwar il-legat li ħalla warajh Bergoglio, b’tislima għall-Missier l-Emarġinati. Dan is-suppliment imħejji mill-editur Joe Cassar juri wħud mill-aqwa ritratti tul ħajtu, inkluż sensiela ta’ ritratti meħuda mill-fotografi ta’ Media.Link Communications waqt iż-żjara tiegħu f’pajjiżna lura fl-2022 fejn intlaqa’ b’entużjażmu kbir kemm f’Malta u anke f’Għawdex.

Ritratti: Matthew Tabone