Lokali Qorti

Mixli li pprova jifga’ lil martu u li se jagħmilha bħal ‘Bernice Cilia’

Raġel ta’ 33 sena residenti l-Mosta ngħata l-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Gabriella vella wara li fil-Qorti l-prosekuzzjoni qalet li r-raġel prova jifga lil martu darbtejn u heddiha li jekk titilqu jagħmilha bħal ‘Bernice Cilia’. Cilia kienet inqatlet b’tiri ta’ arma tan-nar f’Kordin, allegatament minn żewġha.

Ir-raġel li jaħdem fl-avjazzjoni bħala Inġinier wieġeb mhux ħati. L-Ispettur Audrey Micallef qalet li huwa kien arrestat fid-9 ta’ Marzu, wara li l-martu rrapurtatu li ħebb għaliha wara li l-koppja kellhom argument bejnithom quddiem binthom.

Mal-pulizija, il-vittma spjegat li meta daħlet lil binthom fil-kamra tas-sodda sabiex taqralha ktieb u tikkalmaha, il-missier daħal fil-kamra warajhom u wadbilha ktieb. Żiedet li fil-pront ħarġet mill-kamra u fi stadju minnhom l-akkużat prova jifgaha darbtejn.

Il-mara qalet lill-Pulizija li meta daħlet fil-kamra tal-banju biex tiehu ftit ritratti tas-swaba mmarkati ma’ għonqha, r-raġel ħadilha l-mobile. Allegat ukoll li din ma kinitx l-ewwel darba li żewgha ħebb għaliha, bis-swat beda fil-bidu taż-żwieġ tagħhom u “ggrava” matul it-tqala tagħha. Fil-fatt skont il-mara huwa kien isawwatha kemm qabel it-tqala, kemm waqt it-tqala u anke wara.

Mal-pulizija, il-vittma spjegat li żewġha kien jheddiha li jkorrilha t-tqala, li sawwatha bil-ponn u bis-sieq matul dan il-perjodu u kull meta provat titilqu qalha li ser jagħmilha “bħal ma ġralha Bernice”. Id-difiża talbet għal ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-biża li l-akkużat jista javviċina lill-vittma. Il-bqija il-kondotta tiegħu hija waħda nadifa.

Id-difiża qalet li l-akkużat u l-vittma mhux jogħqodu fl-istess dar, u missierl-imputat lest li jogħqod terz garanti ghalih u jipprovdilu saqaf fuq rasu. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistart Gabriella Vella laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000.

Il-Qorti ordnat lill-akkużat biex jiffirma kull nhar ta’ Tnejn u s-Sibt bejn it-8am. u s-6pm. fl-Għassa tal-Pulizija tal-Mosta u li jirtira d-dar fit-8.30pm. u ma joħroġ qabel il-5.30am. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef filwaqt li għall-akkużat dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit.