Lokali

Numru ta’ għelieqi se jinqerdu biex tinbena triq ġdida lejn il-Kalkara

Il-proġett għal triq ġdida bejn Ħaż-Żabbar u l-Kalkara ilu kemm xejn jissemma iżda jidher li fil-ġimgħat li ġejjin, propjament f’Mejju għandhom jibdew fis-seħħ ix-xogħolijiet.

It-toroq li wieħed jagħmel użu minnhom bħalissa sabiex jasal għal Smart City minn Ħaż Żabbar, mhumiex diretti u dan il-proġett huwa mmirat li jtejjeb il-konnettivita.

Dan il-proġett mniedi minn Transport Malta u Infrastructure Malta mistenni jibda minn Bieb is-Sultana f’Ħaż Żabbar, jgħaddi bi dritt il-Kottonera, jgħaddi qrib il-Kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara u jispiċċa fi Smart City.

Fuq medda ta’ 1.6 kilometru, dan il-proġett ser jinvolvi karreġjati għal vetturi kif ukoll għal mezzi ta’ mobilità differenti bħal linji pedonali għal miexi u għaċ-ċiklisti. It-triq proposta ser tkun elevata, waqt li l-parti għaċ-ċiklisti u għal miexi ser tkun eqreb lejn il-basjtuni.

Inizjalment kienu ser jittieħdu 14,500 metru kwadru ta’ art agrikola però issa dan l-ammont naqas għal 5,686 metru kwadru – b’diversi minn dawn l-għelieqi jaqgħu taħt il-privat.

Huwa indikat li dan il-proġett għandu jieħu madwar tlieta u erba’ snin bl-implimentazzjoni tiegħu ser tinqasam f’numru ta’ fażijiet u huwa mmirat li ser jiswa madwar 8 miljun ewro.

Il-parti ndikata bl-aħdar hawn taħt, tindika l-art agrikola li ser titieħed bħala parti minn dan il-proġett.