Lokali Qorti

Priġunier jammetti li weġġa’ gravi priġunier ieħor

Raġel ta’ 36 sena ammetta li weġġa’ gravi lil sieħbu priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Zakaria Abidat, ċittadin Alġerin, wieġeb ħati wkoll li hedded u aggredixxa lill-vittma, kif ukoll li sar reċediv. L-Ispettur Kurt Farrugia qal lill-Maġistrat Gabriella Vella li Abidat kien fiċ-ċella tal-ħabs tiegħu f’Diviżjoni 1 meta aggredixxa lill-priġunier sieħbu Ivan Galea hekk kif dan ħareġ miċ-ċella tal-ħabs tiegħu.

Abidat ammetta r-reat waqt l-interrogazzjoni tiegħu u qalilhom li l-inċident ra l-bidu tiegħu mill-priġunier l-ieħor, li allegatament insulenta u beżaq lill-akkużat. Farrugia żied jgħid li l-priġunier l-ieħor se jiffaċċja wkoll akkużi kriminali b’rabta mal-inċident.

Il-prosekuzzjoni u d-difiża għamlu sottomissjonijiet dwar il-piena. L-Avukat Brandon Bonnici mill-uffiċċju tal-AĠ enfasizza li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-pulizija u fl-istqarrija tiegħu ammetta r-reati. L-avukat tal-għajnuna legali Yanica Barbara Sant argumentat li l-klijent tagħha kien ipprovokat u sfortunatament ma setax jikkontrolla lilu nnifsu.

Il-prosekuzzjoni u d-difiża talbu sentenza ta’ 13-il xahar ħabs. Is-sentenza se tingħata nhar it-Tlieta li ġej fid-9am.