Lokali Qorti

Raġel mixli li mess mara b’mod indiċenti mingħajr il-kunsens tagħha

Raġel tressaq il-Qorti b’ċitazzjoni wara li allegatament wettaq atti sesswali fuq mara mingħajr il-kunsens tagħha. L-allegata vittma allegatament ħarbet miċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni tad-droga li jinsab f’San Blas, iltaqgħet ma’ ċerti persuni li kienu taħt l-influwenza tad-droga u sussegwentement ġiet imsawta.

Wara l-inċident, il-mara spiċċat f’dar b’ħafna nies fiha iżda ma setgħetx tiftakar kif waslet hemm. Kien hemm mara fil-post li qaltilha li kienet taf b’raġel li seta’ jgħinha u jikkuralha l-ġrieħi li ġarrbet. Il-mara marret għand ir-raġel għall-assistenza iżda aktar tard allegat li kien messha b’mod sesswali mingħajr il-kunsens tagħha.

Wara li ħarbet miċ-ċentru tat-trattament, irriżulta li kienet qed tikser ordni tal-qorti billi għamlet hekk. Għalhekk, il-pulizija kienet marret biex tarrestaha u kien f’dan il-ħin li hija infurmathom bl-allegat inċident. Ir-raġel ġie mħarrek b’ċitazzjoni u ma tressaqx il-Qorti taħt arrest peress li kien għadda żmien sostanzjali mill-allegat inċident. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni mill-qorti favur il-vittma.

Waqt is-seduta li jmiss, il-kumpilazzjoni dwar il-każ se tkompli bikl-qorti tiddikjara jekk hemmx biżżejjed provi prima facie biex ir-raġel jiffaċċja proċeduri kriminali. L-Avukati Darlene Grima u Miriayah Borg mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxew il-prosekuzzjoni. Għar-raġel dehru l-avukati difensuri Martina Herrera u David Camilleri. Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella.