mid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Jiġuni diversi mumenti meta ninxteħet lura naħseb fuq bnedmin li għexu fil-passat. Nafu kif kienu jaħsbuha fuq numru ta’ punti minn dak li kitbu jew inkiteb dwarhom. Biss, mingħajr ma naf, nistaqsi lili nnifsi kif dawn kienu jirreaġixxu kieku għadhom jgħixu hawn magħna.
X’kienu jgħidu, jiktbu, u kif kienu jaġixxu fuq dak li hu għaddej, speċjalment bħalissa, fid-dinja tagħna. Bnedmin li kienu preparati għall-eventi ta’ żmienhom. Esperjenza twila fil-ħajja pubblika u wkoll fil-qari ta’ kotba varji li kienu jiġu għad-dispożizzjoni tagħhom. Kellhom karattru. Anzi, kienu bnedmin ta’ valuri sodi u li għalkemm kellhom id-difetti umani tagħhom kienu deċiżi fil-fehma li hemm kodiċi ta’ komportament li kellhom jimxu miegħu. Virtù f’ġabra ta’ prinċipji li fuqhom il-persuna t-tajba, iċ-ċittadin eżemplari kellu, jew anzi kien mistenni, li jġib ruħu. Fuq dawk il-binarji, il-boxxla soċjali interna tiegħu.
Ngħid iktar dan
Ngħid aktar dan fil-kuntest ta’ dak li għaddej fl-Istati Uniti tal-Amerika bil-presidenza attwali. Forsi qed nistennew wisq loġika minn poplu li ninsabu mdorrija li jsegwi linja demokratika. Forsi għandna tort li m’aħniex ippreparati ngħixu kontinwament il-loġika tal-illoġika.
Forsi wkoll din hija l-moda llum, li wara sekli ta’ ċiviltà u mġieba li timmira li tkun tajba, korretta, issa rridu ngħaddu minn snin li fih jiġi miċħud kollox. Hemm min jaħseb li qiegħed jistabbilixxi xi linja ‘ġdida’. Hemm ukoll min iħossu liberu minn kull regola u jrid jikteb kollox hu. Hemm ukoll min jagħraf id-dgħjufijiet tas-sistema demokratika u jrid jieħu vantaġġ għax jemmen li l-vot jgħodd biss sakemm jikseb il-poter. Imma l-verità hija li l-aġir, għalkemm fi ħdan u fis-sistema, mhuwiex fil-linja tas-sistema.
Dawk ta’ qabel
F’dan inħares lura lejn dawk li ħadmu biex ġiet fis-seħħ, għall-ewwel darba fl-istorja tal-bniedem, sistema demokratika permanenti u stabbli. Inħares ukoll lejn dawk li għalkemm mhux ulied l-Istat Amerikan, ammirawha u kitbu favur tagħha. Jiġu proprju f’moħħi f’dawn il-jiem, l-ewwel Benjamin Franklin (1706-1790), li ġie nieqes fis-17 t’April, u wara Alexis de Tocqueville (1805-1859), li ġie nieqes fis-16 t’April. Tal-ewwel parteċipi attiv fil-proċess għall-Indipendenza u tal-Kostituzzjoni tal-pajjiż. Dak li ħalla ħafna kitba warajh, fosthom il-magħruf The Autobiography of Benjamin Franklin (1771-1790).
It-tieni, l-ammiratur Franċiż li kiteb fit-tul u fid-dettall dwarha fil-kapulavur tiegħu Democracy in America (1835-1840). Żewġ volumi ta’ osservazzjonijiet u għarfien tal-vantaġġi li nbnew u li għadhom attwali. Kotba li jixirqilhom importanza u li ħaqqhom jinqraw. Parti mill-proċess sħiħ biex wieħed jista’ jifhem dak li ġie mwaqqaf u l-loġika sħiħa warajh.
Bnedmin
Persuni rikonoxxuti f’ħidmiethom u fil-karattru. Bħal dak li hemm f’ittra li Benjamin Vaughan (1751-1835), il-politiku Ingliż li minn Pariġi, fil-31 ta’ Jannar 1783, jikteb lil Franklin, fejn jgħidlu: “Some men have been virtuous blindly, other have speculated fantastically, and others have been shrewd to bad purposes; but you, Sir, I am sure, will give under your hand, nothing but what is at the same moment, wise, practical and good.” (Ċerti bnedmin huma għomja fit-twettiq ta’ dmirhom, oħrajn spekulaw b’mod fantastiku u oħrajn kienu makakki bi skopijiet ħżiena; imma int, Sinjur, ninsab ċert, minn taħt idejk ma tagħti xejn ħlief dak li fil-mument huwa għaqli, prattiku u tajjeb.)
Dan il-bniedem, li mexxa ruħu fil-qari u t-tagħlim ma kienx proprju Nisrani, imma silet diversi prinċipji minn dik il-fidi. Dawk elenkati fi tlettax-il waħda, fosthom l-Umiltà, fejn jitlobna nimitaw lil Ġesù Kristu u lill-filosfu Grieg Sokrate.
Magħruf
Huwa mimli b’għerf li ċertament kull politiku f’dak il-poplu u fid-dinja għandu għad-dispożizzjoni tiegħu. Fosthom dik li kien kiteb fl-1756: “Love your Enemies, for they tell you your faults.” (Ħobb lill-għedewwa tiegħek, għax huma jgħidulek id-difetti li għandek.) Parir mill-iktar sabiħ, utli u f’postu li kull min jieħu bis-serjetà l-politika għandu jagħraf tajjeb li jsegwi. Fil-fatt, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar nagħraf li fih direzzjoni u gwida.
Ovvjament mhux faċli, aktar u aktar għax fid-dinja daħlet iktar il-linja li min mhuwiex miegħi mhux nipprova nġibu miegħi, imma nopponih. U jekk nista’, neliminah u nemarġinah. Id-demokrazija fl-Istati Uniti tal-Amerika kibret b’dan il-prinċipju politiku. Dak li dwaru tikteb tajjeb ħafna Doris Kearns Goodwin (1943) fil-ktieb tagħha Team of Rivals (2005), fejn fih tispjega ħidmet il-President Repubblikan Abraham Lincoln (1809-1865), li kien ġie assassinat fil-15 t’April, li kien hu li ġabar lil dawk li kienu kontrih miegħu. Jaħdmu miegħu.
Mhux il-każ
Mhux il-każ kif qed naraw illum. Wisq kuntrasti, wisq ġlied fix-xejn għaddej f’din l-amministrazzjoni tal-President Donald Trump. Nittama li ma nibqgħux nilludu ruħna dwarha. Hemm min qiegħed jipprova jirkeb fuq il-karru. Hemm min qiegħed jibqa’ fis-silenzju għal dak li hu għaddej. Imma hemm punti li wieħed għandu jimmarka.
Kull azzjoni fil-politika ġġib, f’xi mument, reazzjoni. Ħidma li tantagonizza oħrajn ma tissudax, imma żżid lil dawk li jirreżistu. Ċert aktar f’dan li Benjamin Franklin ma tantx jaqbel mal-mossa politika li tipprova tindaħal f’dak li universitajiet, bħall-magħrufa u prestiġjuża Harvard, tgħallem. Hu li kien strument sabiex jikbru u jitwelldu universitajiet sabiex ulied il-poplu jikbru u jitgħallmu kien naħseb jaqbel ma’ dak li Alan Garber, il-President tal-Università (1955) iddikjara ftit jiem ilu:
“No government – regardless of which party is in power – should dictate what private universities can teach, whom they can admit and hire, and which areas of study and inquiry they can pursue.” (Ebda Gvern – indipendentement minn liema partit qed jiggverna – ma jista’ jiddetta dak li universitajiet privati jistgħu jgħallmu, lil min idaħħlu jew jimpjegaw u liema oqsma ta’ studju jew speċjalizzazzjoni jagħżlu li jieħdu.)
Eżempji
Fid-dinja hemm ħidma tajba u oħra ferm u ferm inqas tajba. Dak li għaddej bħalissa f’dak il-pajjiż, wisq nibża’ li huwa fit-tieni direzzjoni. Il-pajjiż beda jitlef mill-istima morali li kellu qabel. Diversi li qabel ħarsu lejh b’ammirazzjoni u forom ta’ tama, issa qed jibqgħu pass lura. Kif kien qal tajjeb il-famuż John Dewey (1859-1952), id-demokrazija u l-edukazzjoni huma ħaġa sħiħa. Meta tattakkahom u tneħħilhom il-libertà li ħaqqhom tkun qed tieħu lill-poplu lura, u mhux ’il quddiem.
Għalkemm il-kurżità tibqa’ tegħlibni, m’għandix dubju li dawn il-bnedmin miġbura lura, illum ma kinux se jċapċpu jew joħorġu jdoqqu għal dak li huwa għaddej bħalissa.

Alexis de Tocqueville (1805-1859)
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta, 22 ta’ April, 2025.
//= $special ?>