Internazzjonali

Battibekk dwar il-multi bejn l-UE u l-kumpaniji Apple u Meta

L-Unjoni Ewropea ħarġet direttiva biex il-kumpaniji Amerikani  Apple u Meta jħallsu (bejniethom) €700m bħala l-ewwel multi imposti mill-istess UE taħt l-aħħar leġiżlazzjoni biex trażżan il-poter tal-ġganti tat-teknoloġija li qed iżidu fl-influwenza fuq livell globali.

Il-multa ta’  €500m għall-kumpanija Apple hi relatata mal-App Store, waqt li l-Meta weħlet  €200m għall-mod kif din il-kumpanija ħadet ħsieb il-user data.

Il-Kummissarju Henna Virkkunen qalet li l-UE għandha d-dritt u d-dover li tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini u tal-intrapriżi innovattivi kollha fl-Ewropa.

Intant, ma naqsitx ir-reazzjoni rabbjuża mit-tmexxija tal-kumpaniji Apple u Meta. Dan waqt li l-Meta akkużat lill-UE ‘b’li qed tipprova tagħmel il-bsaten fir-roti għan-negozji u l-kumpaniji Amerikani’ u bil-kelliema għal Apple jilmentaw li l-kumpanija tagħhom spiċċat ‘mira inġusta’ filwaqt li qed tkun sfurzata biex tiċċirkola t-teknoloġija tagħha b’xejn.