Opinjoni

OPINJONI: Bżonn ta’ Viżjoni fl-iżvilupp

Min ma jħossx li l-kwalità tal-ħajja tagħna tnaqqret drastikament u għadha qed tiġi affettwatha minn nuqqas ta’ ippjanar jew ippjanar ħażin?

mid-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit
Shadow Minister għall-Ippjanar,
il-Kostruzzjoni u l-Artijiet

Il-verità hi waħda: fil-qasam tal-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-artijiet, il-pajjiż tħalla mill-Gvern Laburista għal dawn l-aħħar tnax-il sena, intenzjonalment, nieqes minn viżjoni ċara u għandu bżonn azzjoni konkreta u urġenti.
Pajjiżna mhux kliem sabiħ jew dokumenti sbieħ għandu bżonn imma pjan direzzjonat u riformi ħolistiċi u kompluti li tassew jagħmlu differenza posittiva fil-ħajja tan-nies.

Ippjanar ibbażat fuq viżjoni vera
Illum qed naraw b’għajnejna, nibilgħu fi mnifsejna u nisimgħu b’widnejna l-effetti ta’ ppjanar urban u rurali ineżistenti, mingħajr direzzjoni strateġika u tal-ftit azzjonijiet li, meta jsiru, isiru biss b’reazzjoni għal dak li jkun ġara, isiru bil-għaġla u jsiru nofs kedda.
Il-Ministru responsabbli mill-ippjanar, il-Ministru Clint Camilleri, waqt id-diskussjoni tal-estimi tal-Baġit tad-dekasteru tal-ippjanar, lanqas biss indenja ruħu jsemmi kelma waħda dwar l-ippjanar tal-iżvilupp. Dan juri li l-istess Gvern Laburista ma hu kburi xejn bit-track record diżastruż u tal-viżjoni imċajpra tiegħu!
Il-poplu qed jara kif l-ambigwità u n-nuqqas ta’ reviżjoni tal-politiki qed iwasslu għal każijiet bħal dak tal-pixxini f’ODZ fil-Qala, li l-Qorti stess iddikjarat li kien messu ma ħareġ qatt għax kien ibbażat fuq interpretazzjoni ħażina tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-iŻvilupp (SPED).
Dan mhux xi każ iżolat, anzi wieħed minn serje ta’ każijiet ta’ sistema li spiċċat skjava ta’ Gvern li jinteressah biss fih innifsu u fil-ftit tal-qalba u li jpoġġi lilna u l-ambjent tagħna bħala l-aħħar prijorità.
Bil-ħatra mill-ġdid ta’ Johann Buttigieg bħala CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Gvern qed juri b’mod ċar li jixtieq jimxi ’l quddiem billi jħares lura. Il-Gvern mhu qed joffri xejn ġdid għajr il-kontinwità ta’ politika ta’ żvilupp sfrenat u deċiżjonijiet li ċaħdu lill-komunitajiet mill-karattru urban u rurali tal-lokalitajiet tagħna, xpakkaw l-infrasstura tal-pajjiż, inkluż dik tas-saħħa, u splodew il-prezzijiet tal-proprjetà.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsiti biex Malta li l-iSPED skadut jiġi aġġornat b’viżjoni ħolistika – li jintegra l-iżvilupp ekonomiku mal-protezzjoni ambjentali u l-identità kulturali tagħna.
Dan l-aġġornament għandu jkun ibbażat fuq studji serji u stħarriġ ta’ carrying capacity tal-pajjiż – kemm u x’tip ta’ żvilupp jiflaħ u għandu bżonn pajjiżna. Aktar minn hekk, il-pjanijiet lokali għandhom jiġu riveduti b’mod ġenwin u parteċipattiv, fejn il-komunitajiet ikollhom vuċi vera u mhux biss konsultazzjoni taparsi.

Kostruzzjoni li tagħti prijorità lis-sigurtà u l-kwalità
L-industrija tal-kostruzzjoni spiċċat f’kaos. Il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia fakkritna b’mod krudili kemm hu perikoluż settur li m’għandux infurzar serju u b’saħħtu. U x’kienet ir-reazzjoni tal-Gvern? Ħafna kliem, imma ftit azzjoni effettiva.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan is-settur għandu jkun ibbażat fuq il-governanza tajba, mhux fuq il-konvenjenza. Għalhekk qed nipproponu liċenzjar serju, sħiħ u strutturat għall-kuntratturi, rikonoxximent tal-professjonisti kollha, sistema obbligatorja ta’ Skills Card li tassew tiffunzjona, u assigurazzjoni li tkopri lil kulħadd – min iħaddem, min jaħdem u lit-terzi.
Għandu jitwaqqaf ukoll Uffiċċju Ġeoloġiku Nazzjonali u tiġi msaħħa l-Awtorità tal-iStandards biex jiġi żgurat li dak li jinbena jkun ta’ kwalità. U fuq kollox, irridu sistema integrata u teknoloġikament avvanzat bejn l-awtoritajiet kollha biex l-operat kollu jsir b’mod koordinat u titnaqqas kemm jista’ jkun il-burokrazija.

Art pubblika: bejn in-nuqqas ta’ trasparenza u l-użu ħażin
Il-każ tal-Capitainerie ta’ Ta’ Xbiex hu eżempju ċar ta’ kif l-art pubblika qed tiġi amministrata b’mod inkwetanti.
Il-każ f’Tal-Bebbux fiż-Żurrieq huwa każ ieħor fejn il-Gvern qiegħed jissagrifika art agrikola li hija pubblika u barra miz-zona tal-iżvilupp biex isir żvilupp li jaġevola aktar żvilupp.
Din il-politika mhix aċċettabbli. Il-pajjiż għandu bżonn sistema trasparenti li tippermetti lill-pubbliku jkun jaf kif qed tiġi amministrata l-art tal-Istat. L-Awtorità tal-Artijiet trid tkun tassew indipendenti b’bord u tmexxija anqas politika.

Għall-poplu, mhux għall-marketing
Il-poplu Malti m’għandux bżonn kliem sabiħ.
Sempliċiment irid sistemi li jaħdmu għalih – sistemi kontabbli, li jipprovdu ċertezza u serħan il-moħħ, li jħarsu s-sigurtà, li jassiguraw il-kwalità, iħarsu l-ambjent u li jipproteġu l-valuri tal-komunità. In-nies trid sistemi ħafna anqas burokratiċi u ħafna iżjed effiċjenti.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li ż-żmien tal-politika tal-moxt u l-mera spiċċa. Wasal iż-żmien għal rieda politika ġenwina u azzjonijiet konkreti, fermi u ġusti.
Il-Partit Nazzjonalista lest iġib il-bidla li Pajjiżna għandu bżonn: ippjanar modern u b’viżjoni, mibni fuq konsultazzjoni vera u governanza tajba, ibbażat fuq professjonisti rikonoxxuti u ħaddiema kompetenti megħjuna b’teknolġija tal-lum u ppreparata għal għada.
Għal Malta li tħares u timxi ’l quddiem u Malta isbaħ.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd, 20 ta’ April, 2025.