Internazzjonali Knisja

Eluf ta’ persuni jsellmu lill-Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ San Pietru

Eluf ta’ fidili minn madwar id-dinja kollha qed isellmu għall-aħħar darba lill-Papa Franġisku. Dan hekk kif jinsab espost għall-qima tal-pubbliku, sa nhar il-Ġimgħa – lejlet li jsir il-funeral.

Fi Pjazza San Pietru, folla kbira segwiet il-wasla tat-tebut mill-Palazz Appostoliku ta’ Santa Marta, qabel iddaħħal fil-Bażilika.

Il-purċissjoni lejn San Pietru tmexxiet mill-Kardinal Kevin Farrell. U għall-ħabta tal-11am bdew deħlin l-ewwel persuni li sellmu lill-Papa Franġisku – b’ħafna mid-devoti jieqfu għal mumenti ta’ talb.

It-tebut, li nżamm miftuħ, tpoġġa’ quddiem l-artal ċentrali, direttament mal-art – kif ried Bergoglio innifsu.

Preżenti fil-Bażilika ta’ San Pietru kien hemm madwar 80 kardinal; fosthom il-Kardinal Mario Grech.

Il-funeral tal-Papa se jsir nhar is-Sibt li ġej, u se jkun qed jitwassal f’xandira diretta fuq Net Television. Il-programm speċjali se jibda fit-8:30am, u se jinkludi fih il-kummentarju taċ-ċelebrazzjoni funebri li tibda fl-10am.

Għal dan il-funeral diġà waslu mal-2,000 ġurnalist minn madwar id-dinja kollha. Preżenti se jkun hemm mexxejja u dinjitarji minn madwar id-dinja kollha, fosthom il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-President Ukren Volodomyr Zelensky. U bla dubju, li din l-okkażjoni se tpoġġi pressjoni kbira fuq l-awtoritajiet Taljani minħabba kwistjonijiet ta’ sigurtà.

Qed jingħad li folla kbira ta’ 250,000 persuna se tkun qed toħnoq kull rokna ta’ Pjazza San Pietru għal dan il-funeral – turija ċara tal-marka li ħalla fuq id-dinja l-Papa Franġisku bil-pontifikat tiegħu.

Il-Papa Arġentin miet nhar it-Tnejn li għadda. Hu kellu 88 sena, u kien ilu xhur sħaħ bi problemi f’saħħtu.