mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’
Nhar it-Tnejn li għadda tħabbret il-mewt tal-Papa Franġisku, probabbilment fl-aktar żmien li ma kienx mistenni. Franġisku (kif irid li ssir ir-referenza għalih) kellu relazzjoni speċjali ma’ Malta, li tidher kemm fil-kliem tiegħu kif ukoll fiż-żjara storika li għamel fil-gżejjer fl-2022. Matul iż-żjara tiegħu, hu enfasizza ħafna temi li jolqtu lill-Maltin, bħall-għajnuna lill-immigranti, is-solidarjetà soċjali, il-ħarsien tal-ambjent, u l-ħtieġa ta’ Knisja li tkun eqreb tan-nies.
Fil-kummentarji tiegħu dwar Malta, il-Papa ta’ spiss faħħar l-istorja Nisranija antika tal-pajjiż, speċjalment il-fatt li San Pawl niżel fi xtutna, u dan wassal biex il-fidi Nisranija tinfirex fil-gżira. Dan l-avveniment huwa msemmi fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, u l-Papa jarah bħala simbolu ta’ kif Malta tista’ tkun post ta’ merħba, karità u mħabba.
Malta għandha rwol morali u spiritwali
Matul iż-żjara tiegħu, il-Papa ma beżax jagħmel il-kritika kostruttiva tiegħu; semma l-perikli tal-korruzzjoni, l-indifferenza lejn il-klassi l-aktar batuta, u l-ħtieġa li Malta tkun sinjal ta’ tama u djalogu fil-Mediterran. Il-messaġġ tiegħu kien ċar, Malta għandha rwol morali u spiritwali akbar milli jidher, u għandha tkompli twettaq dan ir-rwol b’għaqal u b’umiltà. Dik iż-żjara, fissret kemm Franġisku wera li Malta għandha potenzjal kbir fil-ħidma Nisranija tagħha anki fuq livell internazzjonali.
Papa Franġisku qajjem riflessjoni profonda dwar il-Knisja f’Malta, partikolarment fost il-kleru u l-lajċi attivi. Meta fisser l-argumenti tiegħu dwar Knisja ‘li toħroġ’ u ma tkunx waħda magħluqa fi strutturi formali jew f’relazzjonijiet ta’ poter, ħafna rawhom bħala sejħa urġenti għat-tibdil meħtieġ li għandu jsir fil-Knisja f’Malta.
Hu għamel enfasi fuq stil ta’ ħidma aktar sempliċi, eqreb lejn dawk emarġinati, u dan wassal għal diskussjonijiet f’djoċesijiet u komunitajiet dwar il-ħtieġa li l-Knisja tkun aktar rilevanti għall-ħajja tal-lum speċjalment meta l-popolarità qiegħda dejjem tbatti.
Il-messaġġi tiegħu dwar l-immigrazzjoni, l-inklużjoni, u l-ġustizzja soċjali qajmu ħafna diskussjoni wkoll. Meta tkellem minn Ħal Far, fejn hemm ċentru għall-immigranti, u faħħar il-ħidma ta’ dawk li jgħinu lil min jasal fuq gżiritna bi tbatija u sofferenza kbira, hu kkonfronta direttament dak li fi kliemu huwa s-sens ta’ indifferenza jew kultant anki ostilità li teżisti f’ċerti setturi tas-soċjetà. Dan wassal biex xi wħud jerġgħu jiddiskutu kif għandna nħarsu lejn dawn il-persuni: bħala problema jew bħala opportunità biex inkunu aktar umani?
Politikament, il-kliem tal-Papa dwar il-korruzzjoni, l-użu ħażin tal-poter, u l-ekonomija li tħalli warajha lil min hu fil-bżonn ma waqax fuq widnejn torox. Dawn huma temi li qabad kemm-il darba fuqhom l-Arċisqof Scicluna, għax din hija r-realtà ta’ pajjiżna. Wara diskorsu, kien hemm diversi reazzjonijiet minn figuri politiċi varji li ammettew li l-kliem tiegħu kien ta’ sfida, imma ħadd ma inneggah. L-għażla tiegħu li jitkellem b’mod ċar fuq kwistjonijiet bħal dawn kienet messaġġ dirett lill-klassi politika: li l-ġid u l-awtorità għandhom ikunu għas-servizz u mhux mezzi għall-profitt personali.
Papa Franġisku ma ġiex Malta biss bħala pellegrin iżda bħala profeta li jrid jqanqal il-ħsieb ta’ min jista’ jifhem biex tqum kuxjenza ġdida, u jidhirli li hekk għamel. L-impatt ma kienx biss spiritwali u morali, imma wkoll kulturali u politiku.
Għalhekk, iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta fl-2022 kienet mument storiku li ħalla impatt profond fuq il-pajjiż, mhux biss fuq livell reliġjuż, iżda wkoll fuq il-pjan soċjali u politiku. Bħalma fissirt. Il-kliem tiegħu eżaltat biex jingħoġob, iżda offra sfida jew aħjar sejħa għar-riflessjoni, għall-konverżjoni u fuq kollox għall-azzjoni konkreta.
Il-Papa dakinhar offra tama ġdida għal pajjiż li quddiemu kellu u għad għandu prattikament ħafna mill-istess problemi li tkellem dwarhom.
L-attenzjoni ddur fuq is-suċċessur
Issa li l-Papa Franġisku ħalla t-tron tal-Kap tal-Knisja Kattolika, l-attenzjoni ddur fuq is-suċċessur tiegħu. Fil-Vatikan, il-Papa jintgħażel minn dak li jissejjaħ il-Kulleġġ tal-Kardinali, u dan isir f’konklavi sigriet ġewwa l-istess Vatikan. Teknikament, nistgħu ngħidu li kull kardinal li ma qabiżx it-80 sena jista’ jkun papabbli, u l-ispekulazzjonijiet dwar is-suċċessur tiegħu diġà qegħdin jieħdu l-ħajja.
Sal-mument tal-kitba, l-aktar ismijiet li qegħdin jissemmew huma: (1) l-Kardinal Taljan Pietro Parolin, bħalissa s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan u diplomat b’esperjenza massiva. Hu kkunsidrat bħala figura ċentrali u li jista’ jżomm bilanċ bejn il-frazzjonijiet differenti fil-Knisja; (2) Il-Kardinal Luis Antonio Tagle mill-Filippini, li ċertament hu popolari biżżejjed fl-Asja. Hu jirrifletti l-viżjoni tal-Papa Franġisku għax iħaddan il-valuri tal-umlità fost l-oħrajn.
Il-Kardinal Matteo Zuppi ukoll mill-Italja, attwalment l-Arċisqof ta’ Bologna u President tal-Konferenza Episkopali Taljana. Ħadem qrib il-viżjoni soċjali u pastorali tal-Papa Franġisku u involut fil-missjoni għall-paċi fil-gwerra tal-Ukrajna. Hemm ukoll il-Kardinal Christoph Schönborn, Teologu Awstrijak ta’ rispett kbir iżda li għadu kemm għalaq it-80 sena ftit ġimgħat ilu.
Qiegħed jissemma wkoll il-Kardinal Robert Sarah mill-Ginea, persuna pjuttost konservattiva u mhux l-ewwel darba li ssemma bħala alternattiva għal Franġisku minħabba l-istil reliġjuż tiegħu.
B’mod remot jissemma wkoll il-Kardinal tagħna Mario Grech, figuri prominenti fil-Knisja Kattolika. Grech, jitqies bħala wieħed mill-alleati spiritwali u teoloġiċi tal-Papa Franġisku, madankollu ċ-ċansijiet tiegħu mhumiex daqstant. Attwalment, hu s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet (sa mill-2020) u ilu Kardinal minn Novembru tal-istess sena. Twieled f’Għawdex fl-1957. Hu jemmen li l-Knisja trid tkun iktar parteċipattiva, mhux biss ġerarkika. Dan jaqbel perfettament mal-viżjoni ta’ Franġisku għal Knisja li titmexxa mhux minn fuq għal isfel, imma flimkien mal-poplu ta’ Alla.
Ikun xi jkun, il-legat tal-Papa Franġisku se jkun wieħed strumentali għall-Knisja speċjalment wara Papa Benedittu XVI li ma kienx fost l-aktar Papiet popolari fid-dinja moderna.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa, 23 ta’ April, 2025.
//= $special ?>