Opinjoni

OPINJONI: Gvern ta’ għajb

Il-Gvern Laburista issa ilu jmexxi lil pajjiżna tnax-il sena. Kulħadd jaf li dan huwa gvern li rebaħ l-elezzjonijiet b’maġġoranzi kbar.

mid-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza
u d-Drittijiet tat-Tfal

Diversi fatturi wasslu għal dan, fosthom il-fatt li l-Partit Nazzjonalista kien ilu prattikament kwart ta’ seklu fil-Gvern, il-poplu xtaq bidla u eventwalment ħafna baqgħu jafdaw Gvern Laburista minħabba li ekonomikament il-pajjiż ma kienx sejjer ħażin.
It-tkabbir ekonomiku, filwaqt li kulħadd japprezzah, ġab miegħu wkoll bidliet kbar f’pajjiżna li ħafna drabi kienu negattivi. Iktar bini, iktar tniġġis, iktar traffiku, iktar nies.
Malta taħt il-Labour inbidlet u mhux neċessarjament għall-aħjar. Fl-aħħar mill-aħħar il-flus mhumiex kollox.
Ma nistax ma nirrimarkax ukoll li l-Gvern baqa’ pjuttost popolari għax ħa deċiżjonijiet li laqtu fit-tajjeb lil xi wħud, bħal meta impjega nies bl-addoċċ maċ-Ċivil, mingħajr ma ta kas tal-ġid komuni. Fl-istess waqt, il-legat tal-Amministrazzjonijiet Laburisti żgur li se tibqa’ l-korruzzjoni, l-ispalpaljar ta’ flus il-poplu u d-dejn li kiber bil-kbir.
Dan huwa Gvern ukoll li wettaq diversi riformi u ta iktar drittijiet ċivili, iżda huwa Gvern ukoll ħati li ffaċilita l-qtil ta’ ġurnalista.
Iżda kif għedt fil-Parlament ftit tal-ġimgħat ilu, huwa surreali, li f’pajjiż indipendenti, demokratiku u Ewropew, il-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed inaqqar id-drittijiet u l-kisbiet li l-poplu tagħna akkwista tul iż-żmien.

Lejn pajjiż totalitarju
Kultant inħossni li donni qegħda ngħix f’xi pajjiż totalitarju, xi pajjiż tat-Tielet Dinja fejn tirrenja l-liġi tal-ġungla. Inħossni wkoll li bħal donnu dan il-pajjiż mar lura fiż-żmien. Kultant nistħajjilni li morna lura għas-Snin Sebgħin u Tmenin fejn Gvern Laburista għadd liġijiet infami, liġijiet li bihom batew in-nies, liġijiet li aktar kienu jixbhu lil dawk ta’ pajjiżi komunisti milli dawk ta’ pajjiżi demokratiċi bħal pereżempju l-liġi tal-indħil barrani u liġijiet oħra li fil-passat naqqru mid-drittijiet tal-poplu. Niftakar ukoll meta Gvern Laburista fl-antik kien fi ġlieda perpetwa kontra l-Qrati.
Inħoss ukoll il-polz tal-poplu u r-rabja tal-poplu, li bħali emmnu fil-valuri Ewropew u vvota bi ħġaru biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, mhux biss sabiex ingawdu l-benefiċċji ekonomiċi li ħaddieħor qalilna li huma biss tlellix, iżda wkoll għaliex emminna li bis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea se nagħmlu qabża ta’ kwalità f’bosta aspetti inkluż fid-demokrazija tagħna u fis-saltna tad-dritt.
Għalhekk b’dispjaċir qiegħda nitkellem illum, iktar minn għoxrin sena wara s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, fejn jum wara jum il-Gvern qiegħed jieħu lill-pajjiż eqreb mhux lejn il-prinċipji u l-istandards Ewropej, iżda eqreb lejn il-pajjiżi totalitarji u r-reġimi li jkasbru lid-drittijiet tal-bniedem, sabiex jipproteġu klikek li ħatfu l-poter.
Fi tnax-il sena ta’ Gvern Laburista rajna għadd infinit ta’ skandli. Jekk nibda nsemmi ma niqafx! Lista ma tispiċċa qatt. Rajna skandli joriġinaw minn Kastilja, inkixfu skandli minn għadd ta’ ministeri, rajna kontijiet jinfetħu fil-Panama, assistejna għal sfreġju ambjentali, saħansitra ġurnalista tinqatel tort tal-Gvern kif semmejt qabel.

Gvern ta’ għajb u kundanna
Għaldaqstant, huwa ta’ għajb li għandna Gvern li għadda liġi li ċċaħħad liċ-ċittadin onest milli jirrikorri u jitlob inkjesta maġisterjali meta jkun hemm bżonn. Fil-Parlament jien sejjaħt din il-liġi bħala infami għax Gvern li suppost huwa demokratiku, li jiftaħar bid-drittijiet ċivili, li hu progressiv u li hu miftuħ, qiegħed ikasbar liċ-ċittadin. Qiegħed jieħu dritt li kull ċittadin kellu li jitlob inkjesta maġisterjali mingħajr ma ċ-ċittadin qiegħed jingħata iktar protezzjoni jew assigurazzjoni li s-saltna tad-dritt se titħaddem aħjar f’pajjiżna. Gvern li jgħaddi romblu minn fuq il-poplu mingħajr ma jagħti xejn lura lin-nies. Gvern li jkasbarna f’wiċċna mingħajr l-ebda garanzija li se jmexxi aħjar.
U għaliex qiegħed jagħmel dan? Għax għandu x’jaħbi! Punto e basta. Gvern li jrid jaħbi għawwaru. Gvern li jrid ikompli jitħanżer bla ma ħadd iżommu. Prim Ministru u ministri li minkejja l-ħalfa li se jmexxu bla favuri, huma nies li tħabblu fix-xibka ta’ korruzzjoni li ħakmet Gvern Laburista, għax kif għedt drabi oħra, ir-roadmap li tant tkellmu fuqha fil-passat kienet roadmap imsawra fil-korruzzjoni.
U issa l-Prim Ministru qiegħed ikompli jhedded li jkompli jnaqqsilna mid-drittijiet tagħna filwaqt li hu u sħabu jkunu jistgħu jagħmlu li jridu. Issa qiegħed jhedded li ma nkunux nistgħu nirrikorru għand il-Kummissarju tal-Istandards. Dan mhu xejn ħlief ta’ għajb. Tebgħa oħra li tkompli tħammeġx Gvern Laburista. Irrid infakkar ukoll li Robert Abela ilu jinjora lill-Kummissarju tal-Istandards bħal pereżempju meta baqa’ jirrifjuta li jippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi.

Dikjarazzjonijiet perikolużi
Hija ħasra li pajjiżna qiegħed jitmexxa b’dan il-mod. B’dawn il-liġijiet infami u d-dikjarazzjonijiet perikolużi ta’ Robert Abela l-livell ta’ governanza tajba f’Malta qiegħed ikompli jieħu daqqa ta’ ħarta. L-aġir tal-Gvern Laburista qiegħed ikompli jimbotta lin-nies mill-politika. Qiegħed jagħti raġun lil dawk li jgħidu jew jaħsbu li aħna l-politiċi qegħdin hemm għall-interess personali tagħna u mhux biex nagħtu verament servizz lill-poplu u lill-pajjiż. Il-Gvern qiegħed ikompli jniżżilna fil-qiegħ.
Din mhijiex Malta li aħna nemmnu fiha. Mhijiex Malta li aħna nixtiequ. Il-poplu tagħna jixraqlu aħjar. Se nkomplu naħdmu biex iċ-ċittadini Maltin jingħataw iktar drittijiet u mhux jitnaqqrulhom sabiex jiġu protetti l-klikek qrib Kastilja u l-Gvern. Gvern ġdid Nazzjonalista se jassigura li dan iseħħ.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd, 20 ta’ April, 2025.