Opinjoni

Opinjoni: Housing affordabbli

L-istatistika turi wkoll li fl-aħħar disa’ snin, kien hemm żieda ta’ 65% fil-prezzijiet tad-djar f’pajjiżna. Dawn iż-żidiet iridu jittieħdu wkoll fil-kuntest tal-għoli tal-ħajja dejjem jiżdied, u l-fatt li f’Malta l-pagi jibqgħu baxxi

mid-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg
Shadow Minister
 għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali

F’dan l-artiklu nixtieq nitkellem fuq il-‘housing’ affordabbli u mhux fuq il-‘housing’ soċjali. Dan ifisser li qegħdin nitkellmu fuq dawk iż-żgħażagħ, koppji jew ‘single’ li jixtiequ jixtru propjetà biex jgħixu fiha bħala r-residenza tagħhom.

Skont l-aħħar stħarriġ maħruġ mill-NSO, RPPI – Residential Property Price Index – kien ta’ 165.22, jiġfieri 5.2% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2023.  Din iż-żieda ta’ 5.2% sal-aħħar tal-2024 fil-prezzijiet tad-djar f’Malta hija inkwetanti u qed tolqot lil kulħadd, partikolarment lil dawk li jridu jixtru l-ewwel propjetà tagħhom, iżda mhux biss.

Din iż-żieda, li toħroġ minn ċifri li ġew pubblikati mill-NSO, hija ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea (4.9%) u taz-zona ewro (4.2%).

L-istatistika turi wkoll li fl-aħħar disa’ snin, kien hemm żieda ta’ 65% fil-prezzijiet tad-djar f’pajjiżna. Dawn iż-żidiet iridu jittieħdu wkoll fil-kuntest tal-għoli tal-ħajja dejjem jiżdied, u l-fatt li f’Malta l-pagi jibqgħu baxxi filwaqt li l-prezzijiet tal-aktar affarijiet essenzjali dejjem qed jiżdiedu.

Filwaqt li dan ikompli jikkonferma li l-propjetà f’Malta għandha valur qawwi f’pajjiżna, madankollu dan il-fatt ifisser ukoll li hija sfida akbar għal dawk li jixtiequ jixtru darhom.

Diffikultà li wieħed jixtri propjetà

Filfatt min hu ‘single’ u għandu dħul ta’ salarju medju ta’ €21,000 fis-sena, jista’ jixtri propjetà li tiswa €171,000. 95% tal-propjetajiet li hemm bħalissa fis-suq jiswew aktar minn hekk! Min-naħa l-oħra, kopja li li għandha dħul medju, xorta għandhom diffikultà li jixtru 60% tal-propjetajiet li preżentament huma fis-suq, anki jekk jieħdu ‘loan’ mill-banek! 

Dan qed iwassal biex f’ċertu zoni fil-pajjiż, bħalma huma s-Swieqi, San Ġiljan, Tas-Sliema, Ħ’Attard, il-Gżira, l-Imsida u saħansitra San Ġwann huwa diffiċli għal dawn il-persuni biex jixtru propjetà.

Dan qed iwassal li ċertu zoni fil-pajjiż (bħalma semmejt) qegħdin mhux biss jitilfu l-‘istreetscapes’ tagħhom għax diversi ‘terrace houses’, ‘townhouses’ u ‘semi-detached villas’ qegħdin jitwaqqgħu biex minflokhom jimbnew appartamenti (appartmenti li ma jistgħux jaffordjaw li jixtru l-Maltin!) imma li dawn il-lokalitajiet qegħdin jitilfu l-identità, il-patrimonju u l-istorja tagħhom. 

Dawn il-lokalitajiet qegħdin jimbiddlu b’mod drastiku. Dan mhux biss fis-sens ta’ bini estetiku imma anki fis-sens soċjali u komunitarju. Diversi minn dawn l-appartmenti li qegħdin jinbnew, qegħdin jinbnew bil-ħsieb li jinkrew jew lill-ħaddiema barranin (b’riskju wkoll li jkun hemm ‘gettos’) u/jew lit-turisti ‘short lets’.

Dan qed iwassal biex numru ta’ lokalitajiet jitbattlu minn ċittadini Maltin u b’hekk qed jintilef is-sens ta’ komunità u s-‘sense of belonging’.  

Fid-dawl li l-prezzijiet huma dawk li huma, diversi żgħażagħ qegħdin jieħdu d-deċizjoni li mhux biss ma jiżżewġux qabel ma jkollhom 30 sena, imma skont l-aħħar stħarriġ, qed ikollhom l-ewwel wild bejn it-30 u l-35 sena, jew saħanistra ta’ 40 sena! Dan mhux biss qed iwassal biex il-ġenituri jkunu kkunsidrati bħala kbar f’età meta it-tfal tagħhom jikbru, se jkun hemm ukoll riskju ta’ problemi mal-ġenituri tagħhom minħabba l-‘generation gap’, u dak li din iġġib magħha.

Tajjeb li ngħid ukoll li skont l-aħħar studju li sar, hemm riskju akbar li dawn l-ommijiet, għax joħorġu tqal f’età kbira jkollhom ‘miscarriage’. Barra minn hekk, huma diversi koppji li filwaqt li jixtiequ li jkollhom it-tfal, ma jeħdux din id-deċizjoni minħabba l-aspett finanzjarju u l-‘loans’ li għandhom mal-bank. Dan qed iwassal biex f’Malta għandha l-aktar rata baxxa ta’ fertilità fl-Unjoni Ewropea.

Dan in-nuqqas ta’ wlied se jwassal għal effetti kbar, mhux biss fuq l-ekonomija tagħna imma saħanistra fuq l-identità tagħna bħala ġens Malti. Qegħdin nirriskjaw li jiġrilna bħalma ġralhom id-dinożawri!

Ħarsa ’l quddiem

Il-Gvern Laburista għażel li jipprova jindirizza din il-problema billi joħroġ numru ta’ skemi fejn ta għotjiet  ta’ flus jew tnaqqis fit-taxxa. Filwaqt li dawn il-miżuri huma tajbin fihom infushom, imma dan wassal biex dawn l-interventi b’mod daqshekk diretti jkunu wkoll waħda mir-raġunijiet li żdiedu l-propjetajiet!

L-esperjenza turina li meta jkun hemm ‘cash injection’, hemm tendenza li s-sidien jgħollu l-prezzijiet għax jafu li hemm għajnuna b’mod diretta tal-Gvern.  Filfatt, anki Robert Abela kien talab lis-sidien biex ma jgħollux il-prezzijiet!

Min-naħa l-oħra, il-PN jemmen li jagħti sapport b’mod indirett lill-persuni, bħalma huma li joffri sussidju qawwi fuq l-interessi tal-‘loan’ speċjalment fl-ewwel snin meta l-interessi huma għoljin, u r-rifużjoni tal-ħlas ta’ VAT fuq numru ta’ xogħlijiet.

Hemm proposti oħra li fiż-żmien opportun inkunu qegħdin inħabbru. Ngħid ‘zmien opportun’ għall-fatt li meta l-PN joħroġ bi proposti, il-Labour l-ewwel jagħmel kampanja sħiħa kontra dawn il-proposti biex imbagħad jagħmilhom hu u joqgħod jiftaħar b’rixx ħaddieħor.  

Hekk għamel fil-każ ta’ Skema Kiri, li meta kien fl-Oppozzjoni kien ħareġ kontriha bil-kbir, biex issa l-istess Ministru Roderick Galdes li kien tant jitħanbaq kontriha, spiċċa li fl-aħħar baġit jistqarr li hija ‘skema sabiħa u tajba’.

Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hija li aktar persuni jkollhom l-opportunità li jsiru sidien ta’ djarhom u jgħixu ħajja aħjar, b’aktar sigurtà u fuq kollox b’aktar indipendenza finanzjarja.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa, 23 ta’ April, 2025.