It-23 ta’ April jimmarka l-Jum Dinji tal-Ktieb – jum li fih jiġu ċċelebrati l-awturi, il-kotba u l-qari.
Kien proprju għalhekk li AnneMarie Grech laqqgħet madwar 12-il tifel u tifla ta’ etajiet varji fil-librerija ta’ Ħ’Attard – bil-għan li t-tfal, japprezzaw il-ktieb u dak li wieħed jista’ jieħu minnu.
It-tfal preżenti kellhom l-opportunità li jkattru l-imħabba lejn il-ktieb u l-qari, filwaqt li japprezzaw ix-xogħol artistiku u letterarju li hu meħtieġ sabiex isir ktieb. Fil-fatt, f’din l-attività kienu preżenti l-awtur Carmel Cauchi u anke l-illustratur Frank Schembri.

AnneMarie Grech, irnexxielha wkoll turi kif il-ktieb jista’ jimxi miegħek kull fejn tmur, mill-bank tal-iskola sal-bandli.
Il-Jum Dinji tal-Ktieb ra l-bidu tiegħu lura fl-1995, meta l-UNESCO rat il-ħtieġa li tonora lil tliet kittieba famużi William Shakespeare, Miguel de Cervantes u Inca la Vega – awturi li kollha mietu fil-ġranet viċin tat-23 ta’ April.
Dan kollu bil-għan illi d-dinja tiċċelebra l-qari, il-pubblikazzjoni u anke l-għarfien dwar il-copyright.
