Il-Fiera Festa tal-Għadira mhijiex biss attività; hija festa li ġġorr magħha l-ispirtu ta’ komunità, tradizzjoni u ferħ. Matul is-snin, din il-fiera kibret b’mod impressjonanti u saret appuntament ewlieni fil-kalendarju kulturali ta’ bosta.
Il-Ħadd li ġej minn 12:00 ‘il quddiem ser iseħħ id-39 edizzjoni tal-Fiera Festa tal-Għadira ġewwa Ta’ Kerċem, Għawdex.
Wieħed għandu jistenna bankarella bl-oġġetti tad-dar, bankarella b’għasafar u ħut, kif ukoll bankarella bil-pjanti. Ser ikun hemm ukoll bankarelli bl-ikel u x-xorb.
Il-Fiera tal-Għadira hija attività li fiha hemm xi ħaġa għal kulħadd – mill-kbar saż-żgħar. Il-logħob għat-tfal ser ikun kollu b’xejn. It-tfal għandhom l-opportunità wkoll li jmorru dawra bil-pony.
Ser ikun hemm ukoll il-logħba tradizzjonali tal-flixken.
Kulħadd huwa mistieden jattendi għal ġurnata ta’ gost u attivitajiet li jiġbdu l-familja kollha. L-attività se ssir fiz-zona qrib l-Għadira ta’ San Raflu. Parkeġġ organizzat viċin l-attività.
