Lokali Opinjoni

Il-fehma tal-Eks Kummissarju Ewropew dwar il-Papa Franġisku: Il-Papa tal-Paċi u l-Ambjent

Prof. Tonio Borg

Konna nafu li kien marid. Iżda l-preżenza tiegħu ’l hawn u ’l hemm f’Ħadd il-Palm u fil-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa, qawwitilna qalbna li l-agħar kien għadda. Konna żbaljati.  

Diffiċli tiġbor fi ftit kliem il-pontifikat ta’ Papa Franġisku. Forsi l-aħjar li wieħed jiddeskrivih bħala l-pontifikat tal-Papa tal-paċi u tal-ambjent, u l-Papa li ried li r-reliġjużi kollha joħorġu mill-post tagħhom jitħalltu mal-merħla u jkollhom ir-riħa tal-merħla fuqhom.

Mill-bidu nett ried jibgħat il-messaġġ li hu qaddej tal-qaddejja. Baqa’ joqgħod fid-Dar Santa Marta fejn kienu joqogħdu l-kardinali waqt il-konklavi. Meta joħroġ mill-Vatikan beda juża karozza sempliċi. Anki fiż-żjajjar tiegħu barra mill-Italja għażel l-iktar postijiet li wieħed ma jistenniex. Beda bil-gżira ta’ Lampedusa, u spiċċa l-Mongolja fejn Insara hemm inqas minn kemm hemm f’żewġt ibliet Maltin. Il-messaġġ: “Jiena Papa ta’ kulħadd, anki tal-emarġinati. Emarġinati kemm ġeografikament iżda wkoll għal raġunijiet oħra.

Ressaq il-Knisja lejn il-poplu gay, billi għaraf li għalkemm ir-relazzjonijiet bejn l-istess sess mhumiex xi ħaġa in linja mat-twemmin Nisrani, in-nies li jgħixu dawn ir-relazzjonijiet ħaqqhom kull rispett, dinjità u anki tberik bl-ilma mbierek.

Jekk meta l-Kappillan f’Sibt il-Għid ibierek lil kulħadd mingħajr ma joqgħod jara min hu miexi skont il-liġi t’Alla u min le, hekk ukoll il-Papa jikkundanna d-dnub iżda qatt lill-persuna nnifisha. Anki l-ftuħ lejn koppji li mhux qed jgħixu flimkien fiż-żwieġ, u kif dawn ma għandhomx jiġu mċaħħda mit-tqarbin meta jkunu ffurmaw familji ġodda stabbli, kompla ressaq il-Knisja lejn id-dinja tal-lum.

Matul il-pontifikat tiegħu nqalgħet il-pandemija tal-Covid 19. Kulħadd jiftakru tiela’ waħdu t-taraġ taz-zuntier tal-Bażilika ta’ San Pietru u jagħti l-barka appostolika, u jmur iżur il-Kurċifiss imbierek u mirakoluż fil-knisja ta’ San Marcello al Corso li fl-imgħoddi kien jintuża min-nies ta’ Ruma meta kien ikollhom il-pesta fil-belt.

Min jista’ qatt jinsa dak id-diskors ma’ tifel ċkejken li saqsieh jekk missieru li kien ateu, iżda għammed it-tfal tiegħu fil-Knisja, kienx se jsalva. Qallu: “Kun kburi b’missierek! Alla biss jiddeċiedi min jidħol fil-Ġenna”.

Min jista’ qatt jinsa l-Papa jaħsel saqajn il-priġunieri, inklużi nisa? Min jista’ jinsa d-diskorsi importanti tiegħu meta kien ipoġġi d-diskors miktub fuq xi mejda, u jitkellem minn żniedu?

Dawn huma r-ritratti u memorji li se jibqgħu f’moħħna kull darba li niftakru fil-Papa Franġisku. L-ewwel Papa Ġiżwita, l-ewwel Papa mill-Amerika Latina; wieħed mill-ftit papiet barra mill-Ewropa.

Il-Papa wera x-xewqa tiegħu li meta jmut ikollu funeral sempliċi u li jindifen fil-knisja ta’ Santa Maria Maggiore. Meta ġie elett Papa kulħadd baqa’ mistagħġeb hekk kif insista li jmur iħallas għas-soġġorn tiegħu f’dar tal-qassisin f’Ruma fejn kien alloġġjat qabel ma beda l-Konklavi.

Fi Buenos Aires kien juża t-trasport  pubbliku u jpoġġi man-nies. Kien jagħmel quddies u żjarat fl-agħar postijiet u fl-ifqar kwartieri fi Buenos Aires.

Ta’ min jinnota li għalkemm il-Papa żar l-Amerika Latina, ma mar qatt lura l-Arġentina. Forsi anki dan kien messaġġ li hu Papa ta’ Knisja Universali. Ried jagħti l-importanza lil min iħossu mbiegħed ġeografikament. Forsi wkoll kien qed jaħseb li qabel ma jmut imur darba lura f’art twelidu. Iżda ma kellux ikun.

Għedt fil-bidu li jibqa’ mfakkar bħala l-Papa tal-Ambjent. Kien hu li ħareġ l-Enċiklika Laudato Sii, frażi meħuda mit-talba ta’ San Franġisk t’Assisi. Qajjem kuxjenza dwar il-bdil fil-klima u kif dan il-bdil maħluq mid-dinja żviluppata kienet taffettwa iktar ħażin lill-pajjiżi foqra.

Kien l-ewwel Papa li għal ħafna snin tal-pontifikat tiegħu, kellu Papa ieħor ħaj,  il-Papa Benedittu. Bl-istil inimitabbli tiegħu Papa Franġisku kien qal li tajjeb li jkollok ħdejk nannu għaref fid-dar. Kull darba li kienu jinħatru kardinali ġodda fil-konċistorju Papa Franġisku kien jeħodhom jaraw lill-Papa Benedittu.

Naturalment issa li hemm sede vacante, jibdew ix-xnigħat dwar min hu papabbli. U stennew li issa l-kumpaniji internazzjonali tal-imħatri jibdew isemmu min hu favorit; qishom il-Papiet jeleġġuhom dawk li jilagħbu l-imħatri.

Aħna l-Insara rridu nużaw daż-żmien ta’ niket mhux biex nispekulaw fuq min se jieħu post Papa Franġisku, iżda li nirringrazzjaw lil Alla tal-ġid li għamel Papa Bergoglio, f’dawn l-aħħar tnax-il sena, u li nipperservaw il-legat tiegħu li kien wieħed sempliċi daqskemm hu diffiċli; li tkun konservattiv f’dak li hu tajjeb u li tkun radikali fil-qerda ta’ dak li hu ħażin, fis-soċjetà.