Mal-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina Hua Chunying, qbilna li Malta u ċ-Ċina jistgħu jikkollaboraw aktar; biċ-Ċina tqis lil Malta bħala sieħeb ta’ min jorbot fuqu fl-UE.
Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech fi tmiem it-tielet jum ta’ laqgħat uffiċjali fiċ-Ċina, fejn qed imexxi delegazzjoni li tinkludi lix-Shadow Minister Beppe Fenech Adami u s-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea. Ma’ Bernard Grech hemm preżenti wkoll martu AnneMarie Grech u d-Direttur Komunikazzjoni Nathaniel Attard.
Waqt it-taħditiet li qed jipparteċipa fihom il-Kap tal-PN, issemmiet ukoll il-kwistjoni li għaddejja bħalissa bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina fuq it-tariffi imposti mill-Gvern Amerikan.
Bil-Kap tal-PN jinsisti li l-UE, iċ-Ċina u l-Amerika jridu jagħmlu sforz biex jerġa’ jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ kummerċ ġust bejn il-partijiet kollha involuti, u l-kwistjoni tat-tariffi tiġi riżolta kemm jista’ jkun malajr għall-benefiċċju ta’ kulħadd, inkluż pajjiżna.
Filwaqt li faħħret il-mod kif aġixxiet il-President tal-Parlament Ewropew u MEP Nazzjonalista Roberta Metsola f’din il-kwistjoni, il-Viċi Ministru qablet ma’ Bernard Grech li l-aktar importanti tibqa’ l-ħidma biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet u l-ħtiġijiet tan-nies, bil-persuna tibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed.
Kemm fil-kuntest ta’ dan il-każ tat-tariffi u anke fir-rigward tal-gwerra fl-Ukrajna – li wkoll ġiet diskussa f’din il-laqgħa – Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħti s-sehem tiegħu anke fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew biex jinbnew il-pontijiet u biex ikun promoss id-djalogu.
//= $special ?>