Il-belt ta’ Istanbul, li hi l-akbar waħda fit-Turkija, intlaqtet minn diversi terremoti – u bl-akbar theżżiża tirreġistra 6.2 fuq l-Iskala Richter.
It-theżżiż tal-art – li nħass anki fil-kapitali Torka Ankara – iġġenera paniku fost ir-residenti u t-turisti f’Istanbul u meta fuq il-midja soċjali, qed jiiċċirkulaw il-filmati tan-nies fit-toroq u ta’ oħrajn qed jaħarbu mill-bini li bdew jitriegħdu fost it-theżżiż.
Filwaqt li ma kenux irrappurtati vittmi jew ħsarat sinifikanti, l-uffiċjali f’Istanbul qed iwissu kontinwament lir-residenti tal-belt u lit-turisti biex jevitaw il-bini li setgħu spiċċaw fi stat ta’ periklu. Dan waqt li r-residenti f’Istanbul qablu li ma għaddew qatt qabel minn esperjenza simili.
Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, qal li l-iskwadri għall-emerġenza qed ifittxu għall-possibbiltà ta’ persuni neqsin u li hu qed isegwi mill-qrib din is-sitwazzjoni. Hu kompla li l-awtoritajiet responsabbli kienu qed iwieġbu għall-emerġenza ta’ wara t-terremoti mingħajr wisq problemi.
Ix-xjenzati ilhom iwissu li l-belt ta’ Istanbul tista’ tintlaqat minn terremot kbir storiku fi kwalunkwe żmien – għaldaqstant, ma jistax jonqos li esperjenzi bħal dawn iqanqlu sens qawwi ta’ paniku kollettiv f’din il-belt prinċipali.
//= $special ?>