Raġel ta’ 42 sena mill-Munxar, Għawdex, beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras, fuq pussess aggravat tad-droga kannabis. Jonathan Roger Portelli magħruf bħala ‘Lingi’, qed jiġi akkużat b’żewġ kapi ta’ akkuża, traffikar u pussess aggravat ta’ raża tal-kannabis.
L-allegat reat imur lura għal 12 il-sena, meta bejn it-8 u 9 ta’ Mejju, il-Pulizija mill-iskwadra ta’ kontra d-droga kienet waqqfet żewġt irġiel f’Marsalforn. Meta saret tfittxija fuqhom fil-pussess tagħhom instabu madwar tmien grammi u blokka raża tal-kannabis.
Fl-investigazzjoni tagħha wara tfittxija li saret ġewwa r-residenza ta’ wieħed mill-irġiel, Joseph Grech, irriżultat f’sejba ta’ aktar raża tal-kannabis, li b’kollox ammontat għal madwar 321 gramma b’purità ta’ 6.5%.
Meta l-Pulizija tkellmet ma’ Grech, huwa stqarr li d-droga li nstabet kien xtraha dik il-ġimgħa stess mingħand Jonathan Roger Portelli. Qal ukoll li ma kinitx l-ewwel darba li xtara d-droga kannabis mingħandu għaliex xtara tliet darbiet oħra, total ta’ madwar 35 gramma raża tal-kannabis.
Tfittxija oħra fir-residenza ta’ ċertu Christopher Bartolo, fil-Fontana, Għawdex li seħħet fl-aħħar tal-istess xahar, irriżultat fis-sejba ta’ sitt blokkok ta’ raża tal-kannabis li ammontaw għal madwar 167 grammi, b’purità ta’ 8%.
Meta l-Pulizija tkellmet ma’ Bartolo, stqarr li d-droga li nstabet kien xtraha mingħand Jonathan Roger Portelli bejn xahar u nofs, xahrejn qabel. Tenna wkoll li kien ilu madwar sena u xahrejn jixtri d-droga mingħand Portelli.
It-tali informazzjoni wasslet biex il-Pulizija kompliet tinvestiga, u aktar tard fittxet fir-residenza ta’ Portelli, fejn fiha sabet diversi oġġetti konnessi mad-droga inkluż blokkok żgħar ta’ sustanza suspettata raża tal-kannabis.
Huwa ġie arrestat fl-10 ta’ Ottubru 2013 u l-għada tressaq fil-Qorti ta’ Għawdex fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. B’rabta mal-istess każ, Christopher Bartolo kien ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati ta’ traffikar ta’ droga iżda s-sentenza ġiet annullata.
Il-pazjent bi trapjant tal-kliewi, Christopher Bartolo, kellu s-sentenza tiegħu annullata mill-Qorti Kostituzzjonali, f’sentenza importanti li waqqfet dikjarazzjoni ġuramentata li ta maġistrat għax ingħatat mingħajr ma kien preżenti l-avukat tiegħu.
Il-każ ta’ Bartolo għadu pendenti quddiem il-Qorti dwar id-droga, fejn qed jidher assistit mill-avukat Franco Debono. L-Avukat Ġenerali qed jitlob li jekk Portelli jinstab ħati, jiġi kkundannat għomru l-ħabs u jħallas multa ta’ bejn €2,329.37 u €116,468.67.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Ramon Bonett Sladden u Kenneth Camilleri. L-Avukat Alex Scerri Herrera u Matthew Xuereb qed jidhru għall-akkużat.
//= $special ?>