Attakk qattiel fuq it-turisti fir-reġjun Indjan ta’ Kashmir qanqal kundanna sħiħa minn madwar id-dinja, bil-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, fl-aħħar sigħat, jiddiskuti s-sitwazzjoni mal-kapijiet tiegħu għaż-żamma tas-sigurtà u fejn wiegħed li l-aggressuri responsabbli jridu kollha jħallsu kont għal għemilhom.
Dan wara li tal-anqas 26 turisti f’Kashmir – amministrat mill-Gvern Indjan – spiċċaw vittmi ta’ massakru mwettaq minn grupp ta’ rġiel armati li ma kenux identifikati. L-attakk hu l-agħar fuq it-turisti fl-Indja għal ħafna snin u bl-awtoritajiet jirrappurtaw numru sinifikanti ta’ midruba – wħud minnhom kritikament.
It-turisti ma kellhom l-ebda ċans li jaħarbu meta l-aggressuri ħarġu għal fuqhom mill-qalba ta’ foresta u fetħu n-nar fuqhom bl-armi awtomatiċi. Il-massakru seħħ f’inħawi viċin il-belt turistika pittoreska ta’ Pahalgam.
Fl-aħħar sigħat kienu deħlin id-dettalji dwar il-vittmi li jinkludu raġel li kien qed igawdi l-qamar il-għasel ma’ martu u negozjant li kien hemmhekk għal btajjel.
Jidher ukoll li l-qattiela, waqt l-attakk, immiraw speċifikament għall-irġiel u fejn deher ovvju li huma ma riedu joqtlu lil ħadd fost in-nisa preżenti. Dan fost xeni sħaħ ta’ paniku, kaos u pandemonju.
L-awtoritajiet Indjani issa qed jistinkaw għal konferma uffiċjali dwar il-persuni responsabbli mill-attakk faħxi. Dan waqt li sezzjonijiet tal-midja qed jgħidu li l-qattiela jistgħu huma membri tal-organizzazzjoni militanti Lashkar-e-Taiba, li għandha bażi fil-Pakistan, man-naħa l-oħra tal-fruntiera ta’ Kashmir.
Il-massakru, sadanittant, qed jitqies bħala traġedja nazzjonali, bil-Prim Ministru Modi jaqta’ fil-qasir il-vjaġġ li kien qed jagħmel barra pajjiżu biex jindirizza personalment is-sitwazzjoni tal-emerġenza f’Kashmir.
Dan ukoll fost rapporti li l-qawwiet tas-sigurtà Indjani f’Kashmir qed iħejju kaċċa intensiva għall-aggressuri.
L-Indja u l-Pakistan it-tnejn qed jinsistu bid-dritt għall-amministrazzjoni ta’ Kashmir – reġjun li ilu għexieren tas-snin bħala ċentru għal rewwixta kontra t-tmexxija Indjana u li swiet il-ħajja ta’ għexieren ta’ eluf ta’ nies.
Fl-istess ħin, l-attakki fuq it-turisti f’Kashmir huma rari għall-aħħar – bil-Kapijiet tal-Oppożizzjoni Indjana, fl-aħħar sigħat, jakkużaw lill-Gvern ta’ Modi dwar nuqqasijiet serji fil-ħarsien tas-sigurtà.
//= $special ?>