Lokali

L-Istudenti Universitarji qed isofru l-piż tal-għoli tal-ħajja – L-SDM bi proposti konkreti

L-istudenti fl-Università ta’ Malta qed iħabbtu wiċċhom ma’ kriżi akkademika u ta’ saħħa mentali.

Sostniet  dan l-għaqda studenteska SDM fejn insistiet li dan kollu huwa konsegwenza ta’ sigħat twal ta’ xogħol xprunati miż-żieda fl-għoli tal-ħajja, sempliċiment biex wieħed jaffordja l-bażiku.

Għaldaqstant l-SDM ppubblikaw policy paper fejn iċ-ċifri qed jindikaw l-faqar ta’ work-life balance f’pajjiżna, b’ċifri juru biċ-ċar sitwazzjoni ta’ esplojatazzjoni u traskuraġni sistematika taħt Gvern li jinsab għajjien.

Il-Policy Paper sabet li 78% tal-istudenti qed jaħdmu, bi 92% minnhom jisħqu li qed jagħmlu dan għaliex iridu jaffordjaw mal-ħajja bażika li jgħixu.

66% minnhom sostnew li biex jibbilanċjaw bejn l-istudju u x-xogħol qed ipoġġu piż kbir fuq is-saħħa mentali tagħhom, b’61% stqarrew li sofrew minn burnout.

Apparti minn hekk ċifri inkwetanti wrew li 27% mill-istudenti spjegaw li m’għandhomx idea tad-drittijiet tagħhom fuq il-post tax-xogħol u ammettew li sofrew abbuż fuq il-post tax-xogħol.

Intant, 55% spjegaw li jkollhom jitilfu l-lectures biex ilaħqu max-xogħol, bi  58% sostnew li r-riżultati tagħhom qed isofru bil-kbir.

Għaldaqstant il-President tal-SDM Nedved Refalo sostna li  din mhux biss kwistjoni ta’ studenti – imma huwa falliment nazzjonali b’figuri li jixhdu s-sitwazzjoni fis-sistema edukattiva preżenti. L-SDM spjegat li l-politika soċjo ekonomika m’għadhiex qed taqbel bżonnijiet tar-realtajiet tal-lum.  

Għalhekk l-SDM qed tipproponi li jiġu eliminati internships bla ħlas, jiġu introdotti time-tables flessibbli li jaqdu l-ħtiġijiet tal-istudenti, l-introduzzjoni ta’ stipendji supplimentari u sostenn għas-saħħa mentali.