Internazzjonali

‘L-Ukrajna lesta tinnegozja… iżda mhux iċċedi lir-Russja’

L-Ukrajna hi disposta biex tidħol f’kull tip ta’ negozjati biex il-gwerra mar-Russja ma tkomplix – iżda bl-ebda mod mhi lesta biex iċċedi lil Vladimir Putin u l-Kremlin.

Dan qalitu l-Viċi President Ukren, Yuliia Svyrydenko, fost ir-rapporti dwar proposta mressqa mill-Istati Uniti u li tesiġi għal ftehim li permezz tiegħu l-Ukrajna ċċedi kważi l-artijiet kollha li huma okkupati mill-qawwiet Russi.

Sadanittant, l-Istati Uniti qed twettaq pressjoni fuq l-Ukrajna ‘biex tikkunsidra dan ix-xenarju’ u r-Rappreżentanti tal-Gvern Amerikan anki indikaw li – bħala medjaturi – kapaċi jabbandunaw it-taħditiet mal-Ukreni u r-Russi fil-każ tal-intoppi.

L-Ukrajna, iżda, għamlitha ċara li mhu se jkun hemm l-ebda ftehim li jippermetti biex ir-Russja torganizza ruħha mill-ġdid minn aspett militari u f’sitwazzjoni fejn Moska, imbagħad, kapaċi ‘tirritorna għall-invażjoni (tal-artijiet Ukreni) bl-istrateġiji aktar vjolenti’.

Yuliia Svyrydenko sostniet li l-ewwel pass neċessarju lejn il-paċi għandu jibbaża fuq waqfien mill-ġlied totali mal-art, fl-ajru u fuq il-baħar. Hi kompliet li jekk Moska taqbel dwar pawża limitata fil-ġlied attwali, l-Ukrajna għandha tieħu l-passi simili skont il-ftehim.