Lokali Opinjoni

Louis Galea jikteb dwar Francis Zammit Dimech: L-eżempju ta’ Francis – Ħa jtir mar-riħ?

minn Louis Galea

L-umiltà

Wieħed mill-virtujiet ta’ Francis Zammit Dimech kienet l-umiltà. Nimmaġina lil Francis jħammar xi ftit wiċċu għax-xmara ta’ apprezzament, tifħir u kummenti sbieħ li rċieva diġà fil-ftit sigħat mill-mewt tiegħu.

Diġa’ smajna u qrajna ħafna, u fil-ġranet li ġejjin se nkomplu nisimgħu, nirrakkuntaw, nanalizzaw, nirriflettu l-ħajja ta’ dan il-politiku Malti li ddedika ħajtu jitħabat għall-ġid tal-poplu Malti. Bħal kull bniedem, Francis kien jieħu gost b’kumpliment, imma qatt ma ħalla s-suċċess jew it-tifħir jitla’ għal rasu.

Anki llum f’mewtu, b’dik it-tbissima sabiħa tiegħu, qed jgħidilna, “Grazzi tal-apprezzament. Imma jekk tirrispettaw il-memorja tiegħi użaw mewti għas-servizz tagħkom u ta’ pajjiżna.”

Francis qatt ma ppretenda li kien bla difett jew bla żball, imma kellu kuxjenza b’saħħitha li kienet iżżommu fit-triq tas-sewwa. Ħajtu hija miżgħuda bl-eżempji tajba, li kien jgħixhom bla paroli. L-akbar ġieh li nistgħu nagħtu lil Francis huwa billi niskopru dawn l-eżempji u nħalluhom ikaxkruna warajhom.

Servizz

Francis għex ħajja ta’ servizz. Kull talent li kellu sarrfu għall-ġid ta’ ħaddieħor. Sew meta kien żagħżugħ, bħala student, bħala kandidat politiku, bħala deputat, ministru, uffiċjal tal-PN u dan l-aħħar Aġent President ta’ Malta. Qatt ma ħadem għall-gwadann personali tiegħu.

Studjuż

Baqa’ sal-aħħar nifs ta’ ħajtu jistudja u jitgħallem. L-aħħar xogħol li kien qed jaħdem fuqu kien riċerka għal teżi ta’ Ph.D. dwar ix-xandir nazzjonali, suġġett li fih kien espert ewlieni.

Kemm għandna politiċi llum li jibqgħu jistudjaw, jaqraw, ifittxu l-verità, jirriċerkaw? Il-ħidma effettiva ta’ Francis kienet mibnija fuq sisien sodi ta’ tagħlim tul il-ħajja.

Impenn sħiħ

Francis ma kien jagħmel xejn nofs kedda, lanqas fejn tgawdija tal-ħajja fejn għexha b’‘joie de vivre’ eċċezzjonali. Kien iferraħ ambjent fejn kien ikun. Imma f’kull xogħol li jiġi fdat bih kellu impenn sħiħ, xejn nofs kedda, hu x’inhu s-sagrifiċċju. Kemm aħna, ċittadini, voluntieri, politiċi – lesti nkunu impenjati bl-istess mod li uriena Francis?

Vokazzjoni

M’hemmx dubju li għal Francis il-politika kienet vokazzjoni, waħda nobbli kif sejħilha l-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II. Francis wera altruwiżmu totali fis-servizz tiegħu lill-poplu. Qatt ma fittex xi gwadann personali.

Wara li fiż-żgħożija tiegħu ddedika ruħu għall-ġid taż-żgħażagħ, impenja ruħu fil-politika u tela’ s-sellum skaluna skaluna, dejjem b’umiltà, sens ta’ servizz, qatt b’ambizzjoni għall-gwadann personali.

X’sens ta’ vokazzjoni fadal fis-soċjetà tagħna llum? Dik li tagħti ħajtek għal ħaddieħor? X’eżempju ta’ vokazzjoni nagħtu aħna l-politiċi tal-lum?

Lealtà

Mhux dik falza; li turi li taqbel anki fejn ma taqbilx; li tibża tesprimi xi tħoss bil-biża’ li titlef xi vantaġġ, imma lealtà mas-sewwa, mal-verità bil-ħila li tesprimiha bla ma tweġġa’, bla ma toħloq aktar kunflitt, b’mod bilanċjat li jagħti każ tal-missjoni sħiħa u aħħarija.

Bla protagoniżmu, anki fiż-żmien meta kellniex il-midja soċjali li tfaqqa’ kollox mal-ħaġra t-tajn. Il-bniedem ‘di natura’ jbati mir-rispett uman, isibha diffiċli jirfes il-kallijiet biex jiddefendi s-sewwa. Kemm hemm x’nitgħallmu u nipprattikaw minn dan l-eżempju ħaj ta’ Francis.

L-ispirtu ta’ tim

Francis għex lealtà pożittiva fi spirtu ħaj ta’ tim. Dejjem kellu l-opinjoni tiegħu fuq kull kwistjoni. Qatt ma ddejjaq ifissirha. Però Francis kellu miżien fin li kien jiżen sew x’jgħid, fejn, kif u meta.

Kellu l-intelliġenza jifhem li kulma jgħid u jagħmel, anki jekk b’intenzjoni tajba, anki jekk bi dritt tal-libertà tal-espressjoni, jista’ jkollu konsegwenzi mhux mixtieqa, impatt negattiv fuq dak li t-tim ikun qed jiġġieled għalih.

Francis kellu kisbiet kbar għax ħadem b’lealtà f’tim, fejn ma setgħux jonqsu l-opinjoni differenti. Imma għal Francis id-diversità tal-ideat kienet is-saħħa interna biex jinħadem proċess ta’ djalogu u persważjoni li jsaħħaħ l-għaqda u s-saħħa madwar missjoni komuni.

Tgħid hemm x’nitgħallmu u nipprattikaw minn din il-virtù ta’ Francis?

Dixxiplina

Miegħu nniffsu l-ewwel. Dejjem fil-ħin. Dejjem pulit. Dejjem edukat. Dejjem iżomm postu, x’aktarx pass lura. Dejjem jisma’, kalm, jistaqsi, jifhem. Imbagħad jiddeċiedi u jwettaq.

Jirrispetta b’dixxiplina l-għażla ħielsa li hu għamel. Għażel il-PN. Mela b’dixxiplina, anki jekk b’diskussjoni, qagħad għal dak li ddeċieda l-partit u qatt ma ġera’ ’l quddiem mingħajr din il-gwida. U hekk ħadem bla heda.

Hemm x’intejbu f’dan il-qasam?

Reżiljenza

Bqajna narawha sal-aħħar nifs ta’ ħajtu. Il-kuraġġ, it-tama, il-paċenzja li bihom għex il-marda tiegħu, huma tipiċi tar-reżiljenza li Francis kien kapaċi jiġġenera.

Tul aktar minn ħamsin sena ta’ attiviżmu, l-aktar fil-qasam politiku, min jaf kemm xkiel, diffikultajiet, żbalji u diżappunti kellu jħabbat wiċċu magħhom.

Mal-bqija tal-partit għex it-tlugħ u l-inżul tal-istorja riċenti ta’ pajjiżna. Kien hemm ħafna x’jaqtagħlu qalbu. Imma baqa’ sod. Fiduċjuż. Rispettuż. Paċenzjuż. Tagħlimiet kbar għalina l-politiċi tal-lum, le?

Ferħan u seren

Ma naf qatt li Francis kien imdejjaq jew f’paniku bla raġuni. Naturalment kellu l-mumenti ta’ glorja u oħrajn ta’ disfatta. Imma qatt ma għabba lil xi ħadd bil-piż ta’ dak li seħħ mhux kif xtaq hu.

Kellu sens kbir ta’ mħabba għal kulħadd, kien iħoss u jagħti każ, b’solidarjetà ma’ kulħadd. Hekk kien jiffaċċja l-ħajja, kif ukoll il-‘wied tad-dmugħ’. Kapaċi ngħixu hekk?

Issa mistrieħ… u aħna?

Francis kien Nisrani ta’ veru, iħobb lil Alla u l-proxxmu. U għalhekk kien jirrispetta kull twemmin, hu x’inhu, b’moħħ miftuħ, ma jiġġudikax, sensittiv għall-bżonnijiet u x-xejriet ta’ kull persuna, hi min hi, bla ebda preġudizzju.

Francis issa daħal fil-qoxra tal-imħabba bla qies ta’ Alla li hu segwa b’konsistenza u fedeltà, fil-mistrieħ u d-dija eterna.

U aħna f’liema qoxra se nidħlu? Infaħħruh u nidfnuh. Imbagħad? Se nirrispondu għall-aħħar appell ta’ Francis biex ħajtu u mewtu nsarrfuhom f’għażla, dik li nħallu l-eżempju tiegħu jkaxkarna fil-ħajja li fadlilna quddiemna. GRAZZI FRANCIS.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa, 23 ta’ April, 2025.