Sport

Luxol u Swieqi United fil-finali tal-Maltese Cross Futsal Cup

Rittratt: Terry Caselli

Se jkunu Luxol FC Futsal u Swieqi United li se jikkontestaw il-finali tal-Maltese Cross Futsal Cup meta rebħu s-semifinali rispettiva tagħhom.

Luxol FC għelbu lil Marsaskala Futsal 8-1 f’logħba li huma setgħu jamminstraw sew. Luis Henrique skorja tripletta, Andre Ciancio kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li awtogowl ta’ Amir Ashtiyani, Jefferson Breno u Jhon Anderson Castro għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom. Amir Ashtiyani patta tal-awtogowl li għamel billi skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għal Marsaskala.

Referees kienu Danilo Francalanza u Matthias Buttigieg.

F’logħba ferm interessanti, Swieqi United għelbu lil Ħamrun SC Futsal 4-2. Wara li sabu ruħhom minn taħt għalkemm stabbilixxew vantaġġ ta’ 2-1 sa tmiem l-ewwel taqsima, Swieqi baqgħu jżommu l-konsistenza għalkemm Ħamrun qatt ma ċedew pulzier u dejjem kienu viċin l-avversarji għalkemm dan kollu ma kienx biżżejjed.

Javier Alexander Sanchez skorja doppjetta għal Swieqi b’Rodrigo Rocha u Luca Felice li żiedu iktar gowls għat-tim tagħhom. Juan David Bautista Conde u Gia Nikvashvili żammew lil Ħamrun fil-logħba.

Referees kienu Danilo Francalanza u Marco La Rosa.

Il-finali bejn Luxol u Swieqi tintlagħab nhar is-Sibt li ġej fis-6pm, fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, f’Pembroke.