Noel D’Anastas
Il-kanzunetta epika Xemx ta’ The Tramps qed tagħlaq ħamsin sena minn meta ħarġet fis-suq tad-diski lokali. Biex jitfakkar dan se jittella’ l-kunċert Memorji.
Nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Mejju fid-21:00, Pjazza San Franġisk fir-Rabat se tieħu l-ħajja bil-ħsejjes tal-passat, hekk kif Memorji jerġa’ lura għat-tielet edizzjoni tiegħu. Dan il-kunċert b’xejn huwa ċelebrazzjoni tal-wirt mużikali għani ta’ Għawdex, li jgħaqqad kompożizzjonijiet lokali maħbubin u oħrajn kważi minsija, ma’ klassiċi internazzjonali.
L-edizzjoni ta’ din is-sena għandha sinifikat speċjali peress li se timmarka l-50 anniversarju tad-diska’ Xemx ta’ The Tramps, waħda mill-aktar kanzunetti ikoniċi ta’ pajjiżna. Miktuba fis-snin 70 mill-mibki Domenic Grech għall-maħbuba tiegħu (aktar tard martu) Pauline u ddedikata lill-Madonna.
Xemx kibret fil-popolarità matul is-snin, u saret parti mill-wirt mużikali u emozzjonali tal-pajjiż. Ġiet esegwita f’tiġijiet, kantata u maħbuba madwar id-dijaspora Maltija, u anke interpretata internazzjonalment minn artisti bħal André Rieu u, aktar reċentement, The Tenors.
X’mument kien emozzjonali meta Winter Moods interpretawha quddiem l-eluf fil-kunċert memorabbli ta’ fuq il-Fosos, interpretazzjoni indimentikabbli li tibqa’ tiftakarha.
Din is-sena wkoll, il-kunċert Memorji jinkludi line-up ta’ kantanti magħrufin, fosthom Ivan Grech, Pamela Bezzina, Daniel Cauchi, Sarah Bonnici, u John Cassar (il-Cash). Il-kantanti se jkunu appoġġjati mill-band ta’ Memorji magħmula minn Mark Grech (bass), Danny Magro (kitarra), Pawlu Portelli (drums), Jonathan Camilleri (kitarra), u Ismael Azzopardi (pjanu), kif ukoll il-backing vocalists: Angela Tirchett, Jackie Pace Delicata, u Christine Gatt.
Bħal dejjem, Memorji huwa aktar minn kunċert; huwa vjaġġ mużikali kkurat. Il-produttur Richard Grech, iben Domenic Grech, ilu jaħdem flimkien ma’ ħuh Mark fuq arranġamenti ġodda ta’ kanzunetti oriġinali Għawdxin li kważi ntilfu maż-żmien. Dawn jinkludu kanzunetti ta’ The Tramps, li kellhom repertorju wiesa’, u oħrajn li sawru l-identità mużikali tal-gżira.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tkompli t-tradizzjoni li tagħqqad diski ta’ nostalġija lokali ma’ hits internazzjonali, u tagħti lill-udjenza esperjenza unika tul is-snin.
“Memorji se jkompli jqajjem l-essenza mużikali ta’ Pjazza San Franġisk, billi jagħti ħajja ġdida lill-passat mużikali ta’ Għawdex,” jispjega Richard. “U din is-sena, qegħdin ukoll nfakkru u niċċelebraw il-50 anniversarju minn meta Xemx ħarget l-ewwel darba.”
Il-kunċert se jiġi preżentat minn Keane Cutajar u Clare Agius u qed jiġi organizzat b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Imtella’ f’long weekend wara l-festa pubblika tal-1 ta’ Mejju, Memorji huwa avveniment li mhux ta’ min jitilfu, speċjalment għal dawk li se jinzertaw fil-gżira Għawdxija.
Ingħaqad magħna fi Pjazza San Franġisk nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Mejju għal serata indimentikabbli.
Id-dħul huwa b’xejn.
