Milan temmew il-ħolma tar-rivali Inter, dik li dan l-istaġun setgħu jirbħu t-treble kif kienu għamlu fl-istaġun 2009/10, meta fit-tieni leg tas-semi-finali tal-Coppa Italia, ir-rossoneri rebħu 3-0 biex b’hekk avvanzaw għall-finali b’aggregate ta’ 4-1.
Il-protagonista ta’ Milan matul din is-serata kien Luka Jovic, awtur ta’ tnejn mit-tliet gowls ta’ Milan. Il-gowl l-ieħor ta’ Milan kien skorjat minn Tijjani Reijnders.
B’dan ir-riżultat, dan l-istaġun, Inter ġarbu t-tielet telfa kontra Milan, wara li f’Jannar li għadda, l-iskwadra mmexxija mill-Portugiz Sérgio Conceição, kienu rebħu l-finali tas-Super Cup Taljana għall-ispejjez ta’ Inter. Agħar minn hekk, għan-Nerazzurri din kienet it-tieni telfa konsekuttiva fi spazju ta’ inqas minn ġimgħa, wara li nhar il-Ħadd li għadda, Inter tilfu 1-0 fis-Serie A kontra Bologna.

Intant, għada l-Ħamis, tintlagħab it-tieni leg tat-tieni semi-finali tal-Coppa Italia, dik bejn Empoli u Bologna. Dawn tal-aħħar huma l-favoriti li jagħmluha għall-fianli kontra Milan, wara li diġa’ rebħu l-ewwel leg 3-0.
Intant illejla, fl-Italja ġiet fit-tmiemha t-33 ġurnata tas-Serie A, fejn Juventus tilfu ċ-ċans li jiksbu mill-ġdid ir-raba’ post fil-klassifika. Juventus tilfu 1-0 kontra Parma b’gowl lejn tmiem tal-ewwel taqsima skorjat minn Matteo Pellegrino.
B’dan ir-riżultat, Juventus qed jirriskjaw li jistgħu jfallu post fil-UEFA Champions League tal-istaġun li ġej.

Matteo Pellegrino jiċċelebra l-gowl rebbieħ u deċiżiv ta’ Parma kontra Juventus.
Ir-riżultati kollha li kelna llum, fil-bqija tal-partiti mit-33 ġurnata tas-Serie A kienu dawn:
Cagliari vs Fiorentina 1-2
Genoa vs Lazio 0-2
Parma vs Juventus 1-0
Torino vs Udinese 2-0
//= $special ?>