Lokali

Minkejja l-ftaħir tal-Gvern id-dejn tal-pajjiż qabeż l-€10.9 biljun

Id-dejn tal-pajjiż qabeż l-€10.9 biljun, hekk kif għadu kemm ġie kkonfermat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Saħqu dan ix-Shadow Ministers Jerome Caruana Cilia u Graham Bencini fejn insistew li Robert Abela huwa responsabbli għal nofs dan id-dejn kollu. Pajjiżna kellu dejn ta’ ftit iktar minn €5 biljun meta Abela ħa post Joseph Muscat. Dan ifisser li d-dejn taħt Robert Abela aktar milli rdoppja. Fl-aħħar sena Robert Abela għamel €859 miljun dejn – jiġifieri €2.3 miljun dejn kuljum. Robert Abela sar sinonimu mad-dejn.

Dan waqt li tal-qalba jkomplu jitħanżru, kif qalu esponenti tal-Gvern stess. Dan ir-rekord ta’ dejn qed iwassal għal rekord ieħor – dak fuq l-imgħax li qed ikollu jħallas il-Gvern mit-taxxi tal-poplu. Il-poplu qed iħallas madwar €710,000 kuljum f’interessi biss fuq id-dejn.

Clyde Caruana ftaħar li Malta se toħroġ mill-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv tal-UE aktar kmieni milli mistenni, bid-defiċit mistenni jilħaq il-limitu ta’ 3% sal-2026, jew, konvenjentament, eżatt qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Iżda minkejja r-retorika, Malta llum għadha qed tikser il-limiti fiskali tal-UE, u r-reviżjonijiet ċkejknin ‘l isfel li qed jiġu ppreżentati bħala rebħiet kbar jaħbu nuqqas aktar profond, fosthom li mhux qed jiġu indirizzati dgħufijiet strutturali fil-finanzi pubbliċi.

Is-sodisfazzjon tal-Ministru dwar defiċit rivedut tal-2024 ta’ 3.7% (tnaqqis minn 4.5% ibbaġitjat) bħala trijonf jinsulenta l-intelliġenza tal-pubbliku. Gvern li jonfoq anqas milli kien maħsub oriġinarjament mhuwiex kawża għal ċelebrazzjoni, huwa ammissjoni jew li t-tbassir oriġinali kien minfuħ jew li kien immexxi politikament, jew it-tnejn.

Clyde Caruana, wara li sploda l-pajjiż bil-barranin, sploda d-dejn tal-pajjiż. Bla mistħija, issa jrid il-grazzi talli wara li daħħal lil Malta fil-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv,  jista’ joħroġ minn din il-problema li kkawża hu stess.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif stħarriġ fost imprendituri ewlenin sab li d-deterjorazzjoni tal-qagħda politika u regolatorja qed tagħmel minn Malta pajjiż inqas attraenti għall-investiment.

Iż-żieda allarmanti fid-dejn ċertament li ma tgħinx biex toffri stabbiltà u serħan tal-moħħ u dan huwa fattur li jikkontribwixxi wkoll għall-fatt li, kif wera l-istħarriġ, inqas investituri qed iħossuhom komdi jinvestu iżjed f’pajjiżna.