Lokali

Raġel bi ġrieħi gravi wara inċident tat-traffiku fil-Mellieħa

Raġel mill-Mellieħa kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mellieħa stess.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta u kwart ta’ waranofsinhar fit-Telgħa ta’ Selmun meta mill-ewwel indikazzjonijiet seħħet ħabta bejn karozza misjuqa minn mara ta’ 44 sena minn Wied il-Għajn u vettura misjuqa mir-raġel ta’ 61 sena.

Fil-post ġie imsejjaħ minnufih tim mediku tal-ambulanzi li ħa lir-raġel l-isptar għal aktar kura fejn aktar tard ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-każ għadhom għaddejjin.