Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio u r-Rappreżentant Speċjali Amerikan għal-Lvant Nofsani Steve Witkoff irtiraw fl-aħħar minuta minn taħditiet għoljin li saru f’Londra biex jindirizzaw waqfien potenzjali tal-ġlied bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Dan il-pass qabad lil kulħadd fuq sieq waħda u bil-laqgħa qed issir bejn l-uffiċjali ewlenin tar-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Ukrajna – bil-Ġeneral Keith Kellogg, bħala r-Rappreżentant tal-Istati Uniti għall-Ukrajna, jattendi għal din is-sessjoni minflok Rubio u Witkoff.
It-taħditiet huma magħluqin għall-media. intant, is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, David Lammy, qed ikollu laqgħa bilaterali mal-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin Andrii Sybiha.
L-osservaturi, sadanittant, ma jeskludux li n-nuqqas ta’ Rubio u Witkoff mit-taħditiet jista’ hu indikazzjoni tas-sitwazzjoni bierda li żviluppat bejn l-Ewropa u Washington mindu l-President Donald Trump assuma r-riedni tal-Istati Uniti għat-tieni darba.
Id-diplomati Britanniċi qalu li ma kenux ċerti għal kollox mir-raġuni għalfejn Rubio u Witkoff ma preżentawx ruħhom għat-taħditiet, waqt li d-Dipartiment tal-Istat Amerikan irrefera għal ‘raġunijiet loġistiċi’… spjegazzjoni li ma konvinċietx u fost il-mistoqsijiet dwar id-deċiżjoni li sorprendiet bil-kbir lill-Foreigjn Office ta’ Londra.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Rubio, minflok, għandu jikkonċentra fuq it-taħditiet li se jsiru f’Moska din il-ġimgħa bħala parti mill-ispinta għall-isforzi diplomatiċi tal-Istati Unjti lejn it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna.
Żdiedet, intant, l-ispekulazzjoni li r-Russja tista’ taqbel biex twaqqaf l-invażjoni tal-Ukrajna bi skambju mal-konċessjonijiet sinifikanti.
Madankollu m’hemm l-ebda indikazzjoni konkreta li l-impenji diplomatiċi għandhom jirnexxu fl-iskop – bil-President Ukren, Volodymyr Zelensky, jiċħad għall-possibbiltà li jirrikonoxxi l-penisola tal-Krimea bħala territorju tar-Russja.
Dan meta hu rappurtat li dan ir-rikonoxximent uffiċjali min-naħa ta’ Zelensky jista’ qed ikun ikkunsidrat mill-Istati Uniti u l-Kremlin bħala waħda mill-kundizzjonijiet għat-tmiem tal-gwerra.
Intant, il-qawwiet Russi, fl-aħħar sigħat, intensifikaw l-attakki fuq l-Ukrajna – b’tal-anqas għaxra jmutu meta wieħed minn fost id-drones sparati laqtu xarabank mimli bil-ħaddiema. Għexieren ta’ nies oħra spiċċaw feruti f’dan l-attakk li seħħ fil-belt ta’ Marhanets, lejn il-lvant tal-Ukrajna.
//= $special ?>