Futbol Sport

Mument kritiku għal FC Sion; nixfa ta’ rebħ u gowls minn Ilyas Chouaref

Ilyas Chouaref
Ilyas Chouaref

FC Sion, it-tim Żvizzeru li magħhom jilgħab l-internazzjonali Malti, Ilyas Chouaref ilhom sitt partiti konsekuttivi ma jirbħu fis-Super League Żvizzeru.

Chouaref ma skorjax fl-aħħar tliet partiti tal-Kampjonat, u s-sitwazzjoni għal dan it-tim, taħt it-tmexxija tal-kowċ Franċiz, Didier Tholot qed tikkomplika ruħha ġimgħa wara l-oħra, hekk kif l-aħħar rebħa li FC Sion irnexxilhom jiksbu tmur lura għat-3 ta’ Marzu li għadda, meta f’dahrom kienu għelbu lil Lugano 2-1.

Chouaref, li s’issa skorja sitt gowls fis-Super League Żvizzeru, hu l-aqwa skorer ta’ FC Sion u niexfa ta’ gowls mill-Franċiz-Marokkin, b’dixxindenza Maltija, żgur li mhux tgħin f’dan il-mument diffiċli li għaddej minhu t-tim li qed jittama li jevita r-relegazzjoni fl-aħħar tal-istaġun.

Fl-aħħar tliet partiti tal-Kampjonat, Chouaref kellu ħames konklużżjonijiet lejn il-lasta avversarja, li minn dawn, tlieta kienu fil-lasta, iżda minkejja dan hu għadu jrid jerġa’ jsib l-aħjar tiegħu u jiskorja aktar regolari.

L-istatistika li rnexxilna niġbru dwar il-prestazzjonijiet ta’ Chouaref dan l-istaġun fis-Super League ma’ FC Sion, juru li b’kollox il-plejer ta’ 24 sena, f’32 partita li lagħab fil-Kampjonat domestiku, hu kellu 63 xutt lejn il-lasta avversarja, b’38% minn dan l-ammont kienu konklużi fil-lasta.

Għalkemm f’staġun sħiħ, Chouaref fis-Super League serva biss assist wieħed, hu s’issa kellu ammont totali ta’ 31 shot assist tul l-istaġun, b’tlieta minn dawn kienu reġistrati fl-aħħar partita li FC Sion lagħbu nhar it-Tnejn li għadda, kontra FC Gallen u li tilfu barra minn dahrom bl-iskor ta’ 1-0.

Interessanti l-fatt li skont l-istatistika miġbura, Chouraref jibqa’ meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers barranin li qed jilgħabu fil-Kampjonat Żvizzeru dan l-istaġun.

Il-Malti li għandu valur fis-suq ta’ madwar miljun ewro, jinsab fit-tieni post fil-klassifika ta’ plejers li s’issa kellhom kuntatt bil-ballun b’saqqajhom fil-kaxxa avversarja, b’numru li jammonta għal 128.

Il-plejer li jinsab qed jokkupa l-ewwel post f’din il-klassifika overall tas-Super League hu l-winger offensiv ta’ 34 sena, Miroslav Stevanović li jilgħab ma’ Servette, b’total ta’ 148 kuntatt tal-ballun fil-kaxxa avversarja.