Jumejn wara mewtu u fl-istess ġurnata li fiha t-tebut bil-ġisem tiegħu ġie ttrasferit mid-Dar
Santa Marta fil-Vatikan fejn miet, għall-Bażilika ta’ San Pietru, il-Knisja f’Għawdex fakkret
lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku b’Quddiesa ‘de Requiem’ b’suffraġju għal ruħu fil-Katidral ta’ Għawdex.

Fl-assenza tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, li jinsab fuq impenji pastorali barra minn
Malta, il-Quddiesa Solenni tmexxiet minn Mons. Tarċis Camilleri, Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi, li wara l-Vanġelu qara l-Messaġġ mibgħut mill-Isqof Anton, li fih sellem lill-Papa Franġisku bħala “tassew bniedem mimli bl-Ispirtu ta’ Alla” li qanqal tiġdid fil-Knisja u iktar riflessjoni fid-dinja tagħna.

“Bħala poplu Malti, nibqgħu ngħożżu mhux biss it-tagħlim u l-ġesti umani tiegħu, imma wkoll it-tifkiriet taż-Żjara tiegħu fostna tliet snin ilu, speċjalment dik f’riġlejn il-Madonna Ta’ Pinu. Dawn għandhom iservuna bħala spinta biex inkomplu nwasslu l-Vanġelu li hu xerred u b’tant qawwa pprietka, li huwa l-ferħ tal-Knisja”, qal fil-Messaġġ tiegħu l-Isqof Anton.
Huwa stieden lill-Insara biex f’dan iż-żmien partikulari “nitolbu bil-qalb għall-Knisja kollha biex, fuq l-eżempju tal-Papa Franġisku, tkun dak li l-Mulej Ġesù sejħilha biex tkun, u tikkonċentra l-enerġija kollha tagħha fuq l-essenzjali”.
Id-Djoċesi ta’ Għawdex ħabbret li min jixtieq jista’ jiffirma l-Ktieb ta’ Kondoljanzi tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku li wara l-Funeral ta’ nhar is-Sibt se jitwassal fin-Nunzjatura Appostolika f’Malta. Wieħed jista’ jagħmel dan għada l-Ħamis 24 u pitgħada l-Ġimgħa 25 ta’ April, bejn it-8.00am u s-2.00pm, fil-Kurja tal-Isqof fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria.
