Lokali Qorti

Erba’ rġiel jibdew għaddejjin ġuri b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop

Erba’ rġiel bdew għaddejjin ġuri quddiem l-Imħallef Edwina Grima b’rabta ma’ żewġ omiċidji dik tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija f’Ottubru tal-2017 permezz ta’ karozza bomba u tal-Avukat Carmel Chircop li kien inqatel b’tiri ta’ arma tan-nar f’Ottubru tal-2015. Tnejn mill-akkużati huma aħwa u oriġinarjament minn Ħaż-Żebbuġ.

L-akkużati huma Adrian Agius ta’ 46 sena, residenti l-Mellieħa u ħuh Robert Agius ta’ 41 sena residenti r-Rabat, magħrufa bħala Ta’ Maksar flimken ma’ Jamie Vella ta’ 41 sena li joqgħod il-Mosta u George Degiogio ta’ 62 sena, residenti San Pawl il-Baħar. Jekk jinstabu ħatja l-akkużati qed jiffaċċjaw piena massima ta’ għomor il-ħabs.

Dan il-ġuri mistenni jieħu madwar xahrejn biex jintemm fejn hemm aktar minn 200 xhud li huma mħarrka biex jixhdu. Minħabba li l-ġuri huwa wieħed twil minbarra d-disa’ ġurati li se jservu minflok tlieta supplenti, se jkunu sitta f’dan il-każ.

L-ewwel Kap ta’ akkuża tgħid li Jamie Vella u George Degiorgio qatlu lill-Avukat Carmel Chircop. George Degiorgio diġà ammetta flimkien ma’ ħuh Alfred Degiorgio l-involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li kienu ġew kundannati 40 sena ħabs kull wieħed fuq dan ir-reat.

L-akkuża tgħid li fit-8 ta’ Ottubru tas-sena 2015, għall-ħabta tat-8am. Il-Pulizija kienet infurmata li ġewwa “Rampol Buildings” fi Triq John Borg, Birkirkara, instabet persuna, x’aktarx bla ħajja, u li xi ħadd kien sparalha.

Diversi skwadri tal-Pulizija kienu marru fuq il-post, fejn ġewwa l-garaxx bin-numru ‘46’ li jinsab fil-binja, kien hemm persuna maskili minduda mal-art, f’għadira demm, b’nofs ġisimha ġewwa l-imsemmi garaxx, b’saqajha barra l-bieb fil-komun tal-binja.

Minn aktar stħarriġġ irriżulta li l-persuna kienet l-Avukat Carmel Chircop. Minn eżamijiet mediċi li kienu saru fuqu rriżulta li kien sofra minn diversi feriti li ġew ikkawżati minn arma tan-nar. Minkejja l-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija u minn diversi esperti, dan l-omiċidju ma kienx solvut.

Iżda fis-sena 2021, waqt investigazzjonijiet tal-Pulizija b’konnessjoni ma’ każ ta’ omiċidju ieħor, Vincent Muscat, magħruf bħal “Il-Koħħu”, li kien wieħed mill-persuni li ħa sehem attiv fil-qtil tal-avukat Carmel Chircop, iddeċieda li jirrilaxxa stqarrija quddiem il-Maġistrat Inkwerenti fejn xehed kif kien twettaq ir-reat.

Vincent Muscat kien ġie kundannat 15-il sena ħabs fuq iż-żewġ omiċidji wara li kienu hu li kixef min kienu il-persuni li qatlu lill-avukat Chircop. L-Avukat Ġenerali qed jgħid li mill-provi jirriżulta li l-qtil tal-Avukat Chircop kien ikkummissjonat mill-aħwa akkużati Adrian Agius u Robert Agius. Dan minħabba li Dr. Chircop kellu jiġbor ammont kbir ta’ flus mingħand Adrian Agius.

Għal dan l-għan l-aħwa akkużati wrew ix-xewqa li joqtlu lill-Avukat Chircop u li magħhom kien hemm imdaħħal George Degiorgio, magħruf bħala “Iċ-Ċiniż”. Fil-fatt meta l-aħwa kellmuh, George Degiorgio aċċetta din il-proposta biex jgħinhom iwettqu l-qtil.

Kienu ġew avviċinati Jamie Vella u Vincent Muscat, li minn naħa tagħhom  aċċettaw li jipparteċipaw f’dan l-omiċidju. Hawn George Degiorgio u Jamie Vella, flimkien ma’ Vincent Muscat bdew jippjanaw kif se joqtlu lill-Avukat Chircop fejn anke kienu jagħmlu sigħat sħaħ isegwu l-passi tiegħu u jagħmlulu l-għassa bil-moħbi.

Kienu ddeċidew ukoll li l-qtil tiegħu għandu jseħħ kmieni filgħodu, hekk kif se jkun se joħroġ il-karozza mill-garaxx fi triqtu għax-xogħol. Sabiex kemm jista’ jkun ma jħallux evidenza warajhom, ġie deċiż ukoll li dan id-delitt jitwettaq b’revolver u dan sabiex ma jħallux skrataċċ vojta warajhom fuq ix-xena tad-delitt.

Dak inhar tat-8 ta’ Ottubru, 2015, x’ħin kien għadu qed ibexbex , George Degorgio, Jamie Vella u Vincent Muscat, armati saqu għall-garaxx tal-avukat u telgħu fis-sular ta’ fuq ta’ l-istess binja.

Minn tieqa setgħu jaraw lill-avukat miexi fit-triq sabiex jidħol fil-binja fejn kien ġej ftit il-bogħod mir-residenza tiegħu. Wara ftit huma niżlu bil-karozza fis-sular tal-pjan fejn kien hemm il-garaxx tal-avukat u qagħdu jistennewh bil-karozza mixgħula.

Dak li kienu qed jittamaw seħħ hekk kif għall-ħabta tat-7.50am. l-Avukat Chircop daħal fid-daħla tal-garaxxijiet u mexa lejn il-garaxx tiegħu. Qalja kien jaf dak il-ħin li kien hemm pjan makabru moħmi, li kien beda’ jinħema mas-sitt ġimgħat qabel.

Dr. Chircop mar u fetaħ l-ewwel bieba tal-garaxx, hawn George Degiorgio saq il-karozza fid-direzzjoni tal-imsemmi garaxx u waqaf b’tali mod li Jamie Vella, li kien riekeb warajh, wasal maġenb l-Avukat Chircop f’distanza ta’ madwar metru u nofs il-bogħod minnu.

Kien hawn li fil-pront Jamie Vella ħareġ ir-revolver barra mit-tieqa tal-karozza u spara numru ta’ tiri lejh, li spiċċa biex qatlu. Il-vittma kien iddikjarat mejjet fuq il-post. It-tieni Kap tal-Akkuża tgħid li l-aħwa Adrian  Agius u Robert Agius kienu kompliċi fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop wara li dawn avviċinaw lil George Degiorgio biex jippjanaw il-qtil tiegħu. Dan għax Dr. Chircop kellu jiġbor ammont kbir ta’ flus.

George Degiorgio aċċetta dan l-inkarigu u li qasam din il-proposta ma’ Vincent Muscat waqt li kienu qegħdin taħt it-tinda tal-patata fix-xatt tal-Marsa. Muscat aċċetta din il-proposta u ta’ dan l-inkarigu mdemmi kellu jitħallas is-somma ta’ 20,000 ewro li minnhom ħa 5,000 bil-quddiem u kellu jingħata 15,000 ewro oħra wara l-kummissjoni tad-delitt mill-aħwa Agius.

Hawn kienet issir l-għassa fuqu ta’ kuljum biex isegwu l-movimenti tiegħu, bl-aħwa jippressaw biex Dr. Chircop jinqatel malajar kemm jista’ jkun. F’dan il-pjan daħal ukoll Jamie Vella.

It-tielet Kap tal-akkuża jgħid li George Degiorgio u Jamie Vella kienu fil-pusses ta’ armi tan-nar u munizzjon mingħajr liċenzja. Akkuża oħra tgħid li Robert Agius u Jamie Vella irrendew ruħhom kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-Avukat Ġenerali qed jikkontendi li fis-16 ta’ Otturbru, 2017, għall-ħabta tat-3pm. Splużjoni kienet kisret il-ħemda tal-Bidnija, limiti tal-Mosta.

Ftit tal-minuti qabel, il-ġurnalista magħrufa Daphne Caruana Galizia, mara ta’ 53 sena, sellmet lil binha Matthew u nfurmatu li kienet ħierġa għax kellha appuntament il-bank. Hi ħarġet ftit tal-minuti qabel it-3pm. u rikbet f’karozza Peugeot 108.

Malli saqet biswit ir-residenza privata tagħha u daret għat-triq prinċipali fi Triq il-Bidnija, bomba qawwija li kienet tpoġġiet taħt is-seat tax-xufier tal-vettura matul il-lejl ta’ qabel, bil-ħsieb li tinqatel permezz ta’ bomba li ġiet sploduta permezz ta’ SMS.

Caruana Galizizia spiċċat tilfet ħajjitha bil-karozza tieħu n-nar, tispiċċa qafas tal-ħadid u f’għalqa. Fuq il-post marru tal-Protezzjoni Ċivili, esperti oħra lokali u barranin fosthom Olandiżi, tal-FBI u l-Europol. Ħareġ li kien Alfred Degiorgio li ċempel lil ħuh George Degiorgio li minn naħa tiegħu attivia l-bomba.

Mill-analiża tal-Europol irriżulta li il-bomba kienet tikkontjeni bejn 300 u 400 gramm ta’ TNT.  Robert Agius u Jamie Vella qed jiġu akkużati wkoll li kienu kompliċi fl-isplużjoni tal-karozza li fiha nqatlet Daphne Caruana Galizia u li kellhom splussivi kontra l-liġi. L-erba’ rġiel qed jiġu akkużati wkoll li saru reċidivi.

L-Avukati Godwin Cini u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Ishmael Psaila u Amadeus Psaila qegħdin jidhru għal Jamie Vella. L-Avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin qed jidhru għal Robert Agius. L-avukat Nicholas Mifsud qed jidher għal Adrian Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jirrappreżentaw lil Jamie Vella. L-avukat Leslie Cuschieri qegħdin jidhru għal George Degiorgio. L-Avukati Vince Galea, Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia huma parte civile fil-każ.